Issejjaħ għal aktar ħidma fejn tidħol id-diplomazija tax-xjenza, ħidma li twassal għal żvilupp, paċi u stabilizzazzjoni ġeopolitika
Fil-plenarja fi Strasburgu din il-ġimgħa, il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur il-bżonn ta’ approċċ globali aktar b’saħħtu fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan wara dibattitu fuq din il-materja fil-preżenza tal-Kummissarju Ewropew responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Mariya Gabriel, li Cutajar ħadet ukoll sehem fih. Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar kienet in-negozjatriċi tal-grupp tas-Soċjalisti fil-Kumitat ITRE, il-Kumitat illi fih ġiet innegozjata l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni Ewropea b’riżoluzzjoni fir-rigward.
Il-libertà akkademika u l-promozzjoni tagħha kienu fiċ-ċentru ta’ din id-diskussjoni, bir-riżoluzzjoni mressqa tifrex fuq skopijiet aktar wiesa’. Fost dawn, wieħed isib il-fatt li l-hemm bżonn aktar ħidma konkreta biex bħala Unjoni Ewropea nattiraw aktar riċerkaturi u talent lejn, mhux anqas fir-rigward ta’ pajjiżi tal-Mediterran.
L-MPE Josianne Cutajar innutat li d-diskussjoni dwar l-Approċċ Globali Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni qed issir matul perjodu storiku fejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam xjentifiku jista’ verament jikkontribwixxi biex is-saħħa tar-raġuni u l-għarfien, jirbħu fuq l-armi u l-gwerer.
Hija qalet li hemm bżonn aktar ħidma biex l-Ewropa tasal issir punt ta’ referenza fejn tidħol ir-riċerka. Aktar minn hekk, Cutajar saħqet li hemm bżonn viżjoni fit-tul li permezz tagħha l-Ewropa, mhux biss tikseb awtonomija strateġika, imma wkoll issaħħaħ il-ħidma diretta fuq l-isfidi globali li qegħdin naffaċċjaw, fosthom it-tibdil fil-klima u l-emerġenzi tas-saħħa.
Dr Cutajar saħqet li hemm bżonn ta’ aktar kollaborazzjoni ma’ komunitajiet xjentifiċi ġejjin minn pajjiżi sħab tagħna u kontro-partijiet oħra biex is-sistema Ewropea tar-riċerka u l-iżvilupp tkun imsaħħa permezz tal-valuri Ewropej, mil-libertà akkademika sal-ugwaljanza bejn is-sessi.
Cutajar temmet tgħid li ser tibqa’ timbotta biex tiġi żviluppata aġenda ambizzjuża fir-rigward tad-diplomazija tax-xjenza. “Din il-kooperazzjoni tista’ tagħmel l-għarfien xjentifiku mezz kruċjali biex issaħħaħ l-iżvilupp, il-paċi u l-istabilizzazzjoni ġeopolitika”.