Waħda mill-aħħar firilli f’Malta mogħtija l-ħajja mill-ġdid 

Aqra wkoll

Wara aktar minn sentejn ta’ ħidma, Marsaxlokk Heritage, Heritage Malta u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) irrestawraw b’suċċess waħda mill-aħħar firilli li għadhom jeżistu f’Malta. Id-dgħajsa, li għandha aktar minn mitt sena u hi msemmija Lion, issa se tintuża għal skopijiet edukattivi, turistiċi u ta’ riċerka.

Il-proġett beda fl-2021 bħala inizjattiva ta’ Marsaxlokk Heritage biex issalva din id-dgħajsa tradizzjonali, u aktar tard ingħaqdu f’din l-inizjattiva nazzjonali l-MTA u Heritage Malta biex jitħares il-wirt marittimu Malti.

Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru fil-Kalkara Boatyard bl-użu ta’ tekniki u materjali tradizzjonali, filwaqt li ġiet rikostruwita l-qlugħ tradizzjonali tat-tarkija, jew sprit sail, li kienet kważi għebet mill-ibħra Maltin.

Fix-xhur tax-xitwa, il-Lion se tkun esebita max-xatt ta’ Marsaxlokk. Il-proġett kien jinkludi wkoll workshops miftuħa għall-pubbliku u għandu l-għan li jħares is-sengħa tal-bini tad-dgħajjes tradizzjonali u jinkoraġġixxi r-ritorn tagħhom fil-portijiet Maltin.

Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, qal li: “Ir-restawr tal-firilla huwa eżempju ċar ta’ kif it-turiżmu jista’ jkun forza pożittiva għall-ħarsien tal-identità u l-wirt kulturali tagħna. Meta ninvestu fil-patrimonju marittimu Malti, inkunu qed noħolqu esperjenzi awtentiċi li jsaħħu l-prodott turistiku tagħna filwaqt li nħarsu dak li jagħmel lil Malta tassew unika. Marsaxlokk huwa wieħed mill-aktar irħula emblematiċi ta’ pajjiżna u proġetti bħal dan isaħħu l-karattru distintiv tiegħu. Din il-kollaborazzjoni turi li meta naħdmu flimkien, nistgħu nippreservaw il-wirt tagħna u fl-istess ħin inkomplu niżviluppaw turiżmu ta’ kwalità li jħares lejn is-sostenibbiltà u lejn il-ġid tal-komunitajiet lokali.”

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, stqarr,  “Il-wirt marittimu tagħna huwa parti essenzjali mill-identità u l-istorja ta’ pajjiżna. Kull dgħajsa tradizzjonali li nsalvaw mhijiex biss biċċa mill-passat tagħna, iżda xhieda ħajja tas-sengħa, tal-ħila u tal-mod ta’ ħajja li sawru lill-poplu Malti tul is-sekli. Dan ir-restawr huwa eżempju ċar ta’ dak li jista’ jinkiseb meta l-entitajiet pubbliċi, l-għaqdiet volontarji u l-esperti jaħdmu flimkien b’għan komuni. Dan il-proġett mhux biss ta ħajja ġdida lil waħda mill-aħħar firilli li fadal f’Malta, iżda qed jiżgura wkoll li l-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada jkollhom l-opportunità jgħożżu l-wirt marittimu li jagħmel lil Malta unika”.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA Carlo Micallef qal, “L-MTA hija kburija li tappoġġja proġetti li jipproteġu u jesponu l-assi kulturali ewlenin tal-Gżejjer Maltin. Permezz tal-investiment tagħna fir-restawr tal-firilla, qed ngħinu biex nippreservaw parti importanti mill-istorja marittima ta’ Malta, filwaqt li noħolqu attrazzjoni unika li ttejjeb l-esperjenza tal-viżitaturi f’Marsaxlokk. It-turiżmu sostenibbli ma jinvolvix biss li nattiraw il-viżitaturi, iżda wkoll li ninvestu fit-tradizzjonijiet, is-sengħa, u l-komunitajiet li jagħtu lil Malta l-identità ġenwina tagħha. L-għajnuna għal inizjattivi bħal dawn tiżgura li dawn l-elementi prezzjużi tal-patrimonju tagħna jkomplu jiffjorixxu, għall-ġid kemm tar-residenti kif ukoll tat-turisti.”

Filwaqt li radd ħajr lil kull min kien involut fit-twelid u t-twettiq ta’ dan il-proġett, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, irrifletta fuq ir-rwol ewlieni tal-baħar fl-identità Maltija. Huwa saħaq li, “Il-baħar sawwarna f’dak li aħna llum, għax missirijietna għarfu jużawh bħala pont u mhux bħala barriera. Huwa proprju għax nifhmu l-importanza tiegħu li, f’Heritage Malta, ninvestu b’mod kontinwu ħin u riżorsi fih – permezz tat-tiġdid estensiv li għaddej bħalissa fil-Mużew Marittimu ta’ Malta fil-Birgu, kif ukoll bit-twaqqif, snin ilu, tat-Taqsima għall-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar, fost inizjattivi oħrajn.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport