Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ħabbar fuq il-midja soċjali li l-Iran u l-Iżrael laħqu ftehim għal waqfien mill-ġlied. “Fuq is-suppożizzjoni li kollox jaħdem kif suppost, kif se jsir, nifraħ liż-żewġ pajjiżi – l-Iżrael u l-Iran – tal-kuraġġ, l-istamina u l-intelliġenza tagħhom biex tieqaf ’l hekk imsejħa ‘l-gwerra ta’ 12-il jum’.”
Trump żied jgħid li “din hija gwerra li setgħet tibqa’ għaddejja għal snin sħaħ, iżda dan ma sarx, u qatt mhu se jsir hekk.” Aktar tard huwa tkellem mal-NBC u ġie kkwotat jgħid li l-waqfien mill-ġlied se jkun wieħed “dejjiemi”.
Uffiċjal għoli tal-White House qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li Trump innegozja l-waqfien mill-ġlied permezz ta’ taħditiet mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu t-Tnejn li għadda filwaqt li t-tim tiegħu, li jinkludi lill-Viċi President JD Vance, kellhom laqgħat ma’ Tehran. Dan l-uffiċjal, li pprovda dawn id-dettalji bil-kundizzjoni li jibqa’ anonimu, qal li Iżrael jaqbel ma’ dan il-ftehim sakemm l-Iran ma jkomplix bl-attakki iegħu.
Wara l-waqfien mill-ġlied li tħabbar minn Trump, il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael ħarġu twissija ta’ evakwazzjoni f’diversi partijiet tal-kapitali Iranjana. Fuq il-midja soċjali, uħud irrapportaw li nsemgħu splużjonijiet qawwija f’Tehran, li qalu li kienu l-aktar intensi minn meta Iżrael beda jibbumbardja lill-Iran 12-il jum ilu.
L-Iran spara diversi missili ballistiċi lejn Iżrael kmieni t-Tlieta, b’minn tal-inqas wieħed minnhom jolqot direttament bini residenzjali f’Be’er Sheva, liema attakk ħalla tliet persuni mejta u tmienja oħra midruba. Dawn l-attakki seħħew ftit wara l-4.00 a.m. (ħin f’Tehran), ħin li fih il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Abbas Araghchi qal li l-Iran se jwaqqaf l-attakki dment li Iżrael jieqaf milli jkompli l-bumbardamenti tiegħu.
Sadanittant, fi żvilupp ieħor kmieni t-Tlieta filgħodu, il-Gvern Iżraeljan ikkonferma rapporti li kien qabel mal-proposta ta’ waqfien mill-ġlied wara kważii ġimagħtejn ta’ kunflitt militari mal-Iran.
Fi stqarrija ntqal li: “l-Iżrael jirringrazzja lill-President Trump u lill-Istati Uniti tal-appoġġ tagħhom fid-difiża u l-parteċipazzjoni tagħhom fit-tneħħja tat-theddida nukleari Iranjana. Fid-dawl tal-kisba tal-objettivi tal-operazzjoni, u f’koperazzjoni sħiħa mal-President Trump, Iżrael qabel mal-proposta ta’ Trump għal waqfien mill-ġlied bilaterali.”
Madanakollu, il-Gvern ta’ Iżrael stqarr li se jwieġeb b’mod aħrax għal kull ksur tal-waqfien mill-ġlied.