Wednesday, December 25, 2024

Waqt li s-sentiment ekonomiku staġna fl-UE, jiżdied l-ottimiżmu f’Malta

Aqra wkoll

L-istħarriġ li kull xahar isir mill-Kummisjoni Ewropea fost il-familji u negozji fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jikkonferma kemm qed tiżdied il-fiduċja ekonomika f’pajjiżna. Dan meta l-indiċi tas-sentiment ekonomiku f’pajjiżna fi Frar laħaq il-livell ta’ 105, jew 5% aktar mill-medja storika. B’kuntrast madwar l-Unjoni Ewropea, is-sentiment ekonomiku huwa 2% anqas mill-medja storika.

Minn meta tħabbar il-Budget għall-2023, is-sentiment ekonomiku f’pajjiżna tjieb b’mod qawwi u qabeż il-medja Ewropea. Fil-fatt fl-aħħar erba’ xhur, is-sentiment ekonomiku f’pajjiżna żdied bi 17%, madwar l-Ewropa kien hemm titjib ta’ 5% biss, jew tlett darbiet anqas. Barra minn hekk mentri f’pajjiżna ż-żieda fl-ottimiżmu kienet kontinwa, fl-aħħar xahar jidher li s-sentiment ekonomiku madwar l-Unjoni Ewropea staġna.

Id-distakk ta’ madwar 7% fis-sentiment ekonomiku bejn Malta u l-bqija tal-Unjoni Ewropea ġej minn tliet setturi partikolari. Dawn huma s-settur tal-bejgħ, dak tal-kostruzzjoni u fost il-familji. Fil-fatt mentri fl-Ewropa dawn it-tliet setturi għandhom sentiment ferm anqas mill-medja storika, f’pajjiżna qed igawdu minn sentiment aħjar mill-medja. Fejn jidħlu s-setturi tal-industrija u tas-servizzi, kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea, s-sentiment huwa aqwa mill-medja storika.

Il-miżuri tal-Budget waslu għat-titjib fis-sentiment fost il-familji Maltin u Għawdxin. F’pajjiżna fil-fatt l-familji qalu fl-istħarriġ tal-Kummisjoni Ewropea li jħossu li jaffordjaw jidħlu għal konsum akbar. Fl-Ewropa, b’kuntrast, maġġoranza ta’ 20% tal-familji qalu li ma jistgħux jidħlu għal konsum akbar. Dan fid-dawl tal-qagħda finanzjarja differenti li qed jaffaċjaw iż-żieda fl-inflazzjoni, kif ukoll suq tax-xogħol anqas pożittiv. Fil-fatt l-operaturi fis-settur tal-bejgħ fl-Ewropa esprimew sentiment negattiv għaż-żmien li ġej.  B’kuntrast f’Malta l-attitudni tal-operaturi fis-settur tal-bejgħ hija ferm pożittiva. Dan għax maggoranza ta’ aktar minn 20% raw żieda fil-bejgħ fl-aħħar xhur. Fid-dawl ta’ hekk, maġġoranza ta’ 11% tan-neogzji retail qalu li se jżidu aktar ħaddiema.

Anke fil-kostruzzjoni, is-sentiment f’Malta huwa aħjar mill-medja storika, b’maġġoranza tal-ażjendi jipprevedu żieda fl-ordnijiet. Dan f’kuntest li dawn l-operaturi bħala medja qalu li għandhom xogħol b’lura għal aktar minn seba’ xhur, jew darbtejn il-medja storika. Fis-settur tas-servizzi f’Malta s-sentiment tela’ għad-doppju tal-medja storika. Maġġoranza ta’ kważi kwart tal-operaturi tas-servizzi qed jistennew tkabbir fl-attività fix-xhur li ġejjin, wara li ġa kellhom tkabbir tajjeb f’dawk li għaddew.  B’riżultat ta’ hekk 40% tal-kumpaniji qalu li se jkollhom bżonn iżidu l-impjegati.  

Anke fil-manifattura s-sentiment huwa aktar mill-medja storika, b’titjib qawwi fl-aħħar xhur. Dan mistenni jkompli fix-xhur li ġejjin, b’maġġoranza ta’ 18% igħidu li se jipproduċu aktar. Fil-fatt maġġoranza simili tal-fabbriki intervistati qalu li ser jżidu l-ħaddiema fix-xhur li ġejjin. Dan fid-dawl li l-kumpaniji tal-manifattura f’Malta sostnew li għandhom kważi erba’ xhur ta’ produzzjoni garantita f’ordnijiet li ġa rċivew.

L-aħħar rapport dwar l-ekonomija Maltija jiġifieri dak tal-NSO għall-2022 wera li l-ekonomija Maltija kibret b’6.9% jew biljun ewro. Din ir-rata ta’ tkabbir hija d-doppju taż-Żona Ewro. Ir-rapport uffiċjali jgħid li kontributuri ewlenin għat-tkabbir ekonomiku kienu l-oqsma tas-servizzi u tal-industrija. Partikolarment iż-żieda fis-settur tas-servizzi kienet ġejja fosthom mill-qasam tal-akkomodazzjoni u dak marbut mal-ikel, jiġifieri is-settur tal-ospitalità kien importanti biex pajjiżna issa minn irkupru qed jimxi għal tkabbir.

Ekonomija

Sport