Sunday, December 22, 2024

Wara 17-il jum maqbudin f’mina….…41 ħaddiem Indjan jinħarġu qawwijin u sħaħ

Aqra wkoll

Wara 17-il jum ta’ qtigħ il-qalb għal 41 ħaddiem Indjan u l-familjari tagħhom, fl-aħħar sigħat il-ħidma li kienet għaddejja biex jiġu salvati tat il-frott. Il-41 ħaddiem Indjan kienu inqabdu f’mina fl-Istat ta’ Uttarakhand.

Il-ħaddiema nqabdu ġewwa l-mina fit-12 ta’ Novembru wara li parti minnha ċediet minħabba valanga. Huma nħelsu tard nhar it-Tlieta filgħaxija. Irid jingħad li l-ħidma ta’ salvataġġ biex jinħarġu l-41 ħaddiem kellha tittardja b’xi jiem wara li seħħet ħsara fil-magna li biha kienu qed iħaffru ġewwa l-mina.

Kien irrapportat li l-ħaddiema tas-salvataġġ kellhom jibdew iħaffru b’mod manwali ladarba titneħħa l-magna. Arnold Dix, espert fit-tħaffir tal-mini u li qed jgħin ukoll fil-ħidma ta’ salvataġġ, kien qal lill-ġurnalisti li kienu fuq il-post illi l-magna li biha kienu qegħdin iħaffru ġratilha xi ħsarat u li ma tistax tissewwa.

Hu kien qal li jinsab kunfidenti li l-41 persuna se jiġu salvati, billi stqarr li “hemm diversi modi” ta’ kif jistgħu jaslu ħdejhom.

Ekonomija

Sport