Wednesday, April 24, 2024

“Wara 17-il sena se nieqaf ngawdi ftit il-familja” – Christoper Borg

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nismagħhom jgħidu li min m’għandux salib għandu domna imma l-kwarantina bħal ġabitni konxju li jien kelli t-tnejn li huma u ż-żmien ma jistenna lil ħadd. 17-il sena ilu beda dan il-vjaġġ tiegħi f’dan il-ħanut u tista’ tgħid li karattri ltqajt ma’ bosta. Dak iż-żmien kont naħdem man-nies u missieri kien ġie fuqi u ħajjarni nżomm dan il-ħanut u nibda negozju fih. Kien qalli dan li kont minnek ma nitilfux ibni, ġib permess u aħdmu inti.

Ma domtx wisq naħsibha u minn dakinhar sal-lum allajbierek dejjem bin-nies, qisu kien b’risqu. Maż-żmien ħadt anke ħanut ieħor maġenbi u ftaħt petshop biex indawwar xi ħaġa oħra ma tafx inti tkun tixtieq tkabbar il-familja u anke żewġt ulied provdielna l-bambin.

CHRIS’s Snack Bar għallimni u laqqagħni ma’ ħafna nies b’esperjenzi differenti u qisek bla ma tkun trid qalb dak il-ġenn tax-xogħol, kif issib dik il-ħames minuti ċans tintefa’ tgħid kelma mal-parruċċani u s-suġġetti jvarjaw skont is-siegħa jew skont l-aħbar.

Matul il-pandemija, għajr iż-żmien li konna magħluqin bil-lockdown, dan il-ħanut baqa’ għaddej. Mhux se ngħid li ma affettwatni xejn il-pandemija għax nkun qiegħed nigdeb u l-istess min jgħid li ma affettwatu assolutament xejn, pero nista’ ngħid li jew għax il-paruċċani baqgħu jfittxuni, ir-rota għalina dejjem baqgħet iddur.

Madanakollu l-akbar tagħlima mill-pandemija kienet meta konna bil-lockdown. Konna nqattgħu xi ħin f’daqsxejn ta’ għalqa li għandna tal-familja u huma u jilagħbu t-tfal kont nħares lejhom u bdejt ngħid bħal ħafna ġenituri oħrajn li dawn mhux se jibqgħu żgħar u li jekk ma ngawdihomx issa iż-żmien ma kienx se jieqaf jistennieni żgur. Il-ħanut fih qligħ ta’ lira għax tiddedika ħajtek għalih u bla ma kont naf uliedi kienu qed jikbru u jien mitluf kif se nissodisfa lill-klijenti biex inżomm il-ħanut għaddej.

Issa irrealizzajt li wara 17-il sena jixraqli ngawdihom daqsxejn u biex żgur dan il-ħsieb jirnexxi meta ftaħt ħalqi bil-ħsieb li kelli malajr ġejt avviċinat għax il-post iriduh in-nies. B’hekk bi pjaċir ngħid li wara tant snin, il-ħanut se jkun qiegħed jgħaddi għand sidien ġodda fil-ġimgħat li ġejjin u jien u l-familja se nkomplu nieħdu ħsieb il-petshop biex b’hekk ikollna aktar ħin għal xulxin għax dak ma jirrikjedix daqstant sagrifiċċji u r-rabta hija ferm inqas”.

Christoper Borg minn CHRIS’s Snack Bar f’San Pawl il-Baħar

Sport