Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?
Jien minn t’etá żgħira bdejt nuri interess fl-isport. Minn etá żgħira kont nieħu sehem f’ħafna dixxiplini differenti l-iskola peró l-futbol kien dejjem il-preferut. Kont nilgħab il-futbol u kif waqaft ta’ 19-il sena ridt nagħmel xi ħaġa. Kont mort il-gym ma’ ħabib tiegħi b’kumbinazzjoni peró qatt m’għadditli minn rasi li ħa nibqa’ mmur. Minn dak iż-żmien għaddew 23 sena u qatt ma ħarist lura!
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?
S’issa l-aktar staġun ta’ suċċess għalija bla dubju kien is-sena l-oħra fejn fl-istaġun irbaħt il-kategorija ta’ taħt il-85kg hawn Malta u l-overall tal-Masters filwaqt li barra minn xtutna f’Liechenstein irbaħt il-kategorija tiegħi wkoll ta’ taħt l-85kg.
Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?
Sfortunatament, talent inħoss li hawn peró ftit li xejn nara żgħażagħ deħlin fil-bodybuilding kompetittiv. Ir-raġunijiet huma diversi, peró, l-akbar fatturi nħoss li huma l-finanzi għax il-bodybuilding huwa sport ‘expensive’ ħafna u hawn Malta sponsors ftit li xejn issib. Il-fattur l-ieħor hu li biex tkun bodybuilder kompetittiv trid tgħix ċertu tip ta’ stil ta’ ħajja li ġġiegħlek tagħmel ħafna sagrifiċċji li llum il-ġurnata ftit li xejn għadek issib żgħażagħ lesti jagħmlu dan.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Illum il-ġurnata hemm fejn titħarreġ sew u dak li jkun għandu għażla vasta fejn wieħed jista’ jmur. Bħala kompetizzjonijiet illum il-ġurnata hemm madwar id-dinja kollha s-sena kollha tista’ tgħid. Wieħed jista’ jagħżel fejn jikkompeti hu skont il-kalendarju li jkun ħareġ mill-IFBB. Ovvjament dan jiddependi wkoll skont il-perjodu li wieħed ħa jkun qed jikkompeti fih. Il-livelli jvarjaw minn kompetizzjoni għall- oħra peró nista’ ngħid li l-livell amatorjali tal-IFBB mhux baxx. Għall-kuntrarju hemm kompettizzjonijiet bħall-Worlds, il-Europeans u anke l-Arnolds fost oħrajn u li jien personali ħadd sehem f’diversi minnhom bħall-Europeans u l-Arnolds, li huma ta’ livelli għoljin ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?
Nixtieq nerġa’ nikkompeti s-sena d-dieħla għax inhoss li fadalli fejn nimraħ imbagħad minn hemm nara x’inhu l-futur tiegħi u niddeċiedi. Peró, bla dubju jekk niddeċiedi li nirtira mill-bodybuilding kompetittiv nixtieq nibqa’ involut b’xi mod fl-isport.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-bodybuilding.
Jien dejjem ngħid lil dak li jkun biex jibda jittrenja ikun xi jkun l-isport għax l-isport huwa kollu sabiħ u jgħallmek tkun dixxiplinat u jgħallmek ukoll ċerti valuri li fil-ħajja ta kuljum illum il-ġurnata huma essenzjali. Madankollu, jekk għandek tibda l-gym ibdieh u ħu gost ittrenja peró lil dak li jkun ngħidlu biex ma jgħaġġilx. Kif jgħidu bl-Ingliż, ‘Enjoy the process’, imbagħad iż-żmien jagħtik parir dejjem. Il-bodybuilding huwa sport sabiħ peró trid tkun lest tagħmel ħafna sagrifiċċji, tkun reżiljenti u ddixxiplinat miegħek innifsek. Peró, nista’ ngħid li wara 25 sena esperjenza, jien personali ma nibdlu ma’ xejn għax għallimni ħafna!