Thursday, October 31, 2024

Wara d-deċiżjoni tal-President… Min irrabjat, min “mhux sorpriż”, min ifaħħar “id-deċiżjoni loġika li ttieħdet”

Aqra wkoll

Ftit wara li tħabbret id-deċiżjoni tal-President li jħalli lil Delia jservi bħala Kap tal-Oppożizzjoni, ir-reazzjoni ta’ diversi persunaġġi fuq il-midja soċjali kienu varji: uħud bi kliem ta’ tifħir, oħrajn bi kritika, u notevolament, uħud b’silenzju assolutament perfett.

Sa’ filgħaxija, l-ebda wieħed mid-Deputati Mexxejja tal-Partit Nazzjonalista (David Agius u Robert Arrigo), kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, ma lissnu kelma li hija kelma fuq dak li seħħ matul il-lejl tat-Tnejn.

Intant, l-MPs li sfiduċjaw lil Delia saħqu li ser jibqgħu determinati “li jġibu l-bidla meħtieġa fil-Partit Nazzjonalista u f’pajjiżna,” waqt li akkużaw lill-President talli ħa deċiżjoni “li tmur kontra il-Kostituzzjoni. Huwa kellu d-doveri li jneħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jappunta dik il-persuna li tgawdi dik il-fiduċja. Dak huwa dak li trid il-Kostituzzjoni, u dan huwa dak li l-President naqas milli jagħmel.”

“B’sens ta’ responsabbiltà u mpenn lejn pajjiżna, u lejn il-Partit Nazzjonalista, aħna ser nibqgħu nħeġġu lill-Partit Nazzjonalista biex ikun immexxi minn persuna ta’ integrita’, sejra, onesta u kredibbli li tpoġġi l-interess nazzjonali, u tal-Partit Nazzjonalista qabel l-interessi personali tiegħu.”

Huma rrimarkaw kif għat-tieni darba f’perjodu ta’ sebat ijiem, ġie kkonfermat li Delia “m’għadux igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-PN,” u li l-maġġoranza assoluta tal-Parlamentari Nazzjonalista “jridu lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.”

Id-Deputata Parlamentari Indipendenti, Marlene Farrugia saħqet li bid-deċiżjoni tiegħu, il-President “għażel li jassigura li tibqa Oppożizzjoni ineffettiva, mmexxija minn Kap b’dellijiet koroh fuqu, liema Kap huwa miċħud minn żewġ terzi tad-deputati fl-istess Oppożizzjoni.”

Farrugia għajret lil Vella li kien qiegħed iservi “l-interessi tal-Gvern immexxi mill-pupazzi ta’ Muscat, minflok iservi lill-interess nazzjonali.” Filwaqt li tennet li hija ma kinitx sorpriża bid-deċiżjoni ta’ Vella, hija saħqet “li min jitwieled kwadru mhix ser imut tond; min għalaq għajnejh darba, darbtejn biex jakkwista u jżomm poter, sfortunatament hekk ser jibqa’ jagħmel.”

“L-unika kontinwita’ li qiegħed jassigura l-President ta’ Malta, hija l-abbiltà’ tal-Gvern li jibqa’ għaddej bir-romblu minn fuq id-demokrazija tagħna, għaliex l-Oppożizzjoni ma tistax tiċċaqlaq b’mażra m’għonqha.”

Sport