Saturday, October 26, 2024

Wara Ġunju, tmien persuni qiegħda kull jum sabu impjieg

Aqra wkoll

B’kuntrast ma’ diversi pajjiżi madwar id-dinja fejn il-qgħad għadu qiegħed jirranka ‘l fuq, pajjiżna diġà qed ikollu suċċess fil-ġlieda kontra l-effett ekonomiku tal-COVID-19.

Fil-fatt, waqt li f’Mejju l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien tela’ għal 4,409, sal-aħħar ta’ Ottubru n-numru ta’ dawk ifittxu xogħol naqas għal 3,114. Bħala medja, kull jum mill-bidu ta’ Ġunju, tmien persuni li kienu fuq ir-reġistru sabu impjieg.

Dan ifisser li f’ħames xhur l-ammont ta’ nies qiegħda naqas b’1,295 persuna. B’hekk nofs dawk li bdew jirreġistraw wara li bdiet il-pandemija issa m’għadhomx jirreġistraw. Is-saħħa tal-irkupru ekonomiku qed jinħass saħansitra b’aktar qawwa fil-gżira Għawdxija. Fil-fatt, f’Għawdex tlieta minn kull erbgħa li kienu tilfu l-impjieg issa qegħdin lura fl-impjieg.

Ta’ min ifakkar li l-ammont ta’ persuni fuq ir-reġistru huwa ferm anqas mill-medja storika ta’ pajjiżna. Fil-fatt f’Marzu 2013, qabel il-bidla fil-gvern, kien hemm 7,350 persuna jirreġistraw jew 85% aktar mil-livell preżenti. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien kważi mess it-8,000. L-ogħla ammont ta’ qgħad f’pajjiżna mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea kien f’Settembru 2004, meta ċ-ċifra ta’ dawk ma jaħdmux kienet laħqet 8,197 persuna. Dan huwa d-doppju tal-livell li kien hemm ix-xahar li għadda.

It-tnaqqis fil-qgħad beda wara t-tħabbir tal-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika. Dan il-pjan ta’ fiduċja ġdida lill-konsumaturi Maltin u Għawdxin li għall-ewwel darba fl-istorja ngħataw vouchers mill-gvern biex jonfquhom fl-ekonomija tagħna. Dan filwaqt li ngħata suppliment anke aqwa bħala ammont lil dawk fuq l-in-work benefit. Hekk ġew ippremjati dawk bl-inqas dħul. Fl-istess ħin il-gvern daħħal diversi miżuri biex jgħin lin-negozji ħalli jerġgħu jibdew joperaw b’suċċess filwaqt li ħabbar l-akbar pjan ta’ investiment fl-infrastruttura industrijali ta’ pajjiżna.

Dan kollu wassal biex kuntrarju għal pajjiżi madwarna, f’pajjiżna qed ikollna suċċess fil-ġlieda kontra l-qgħad. Il-gvern ser ikompli bil-ħidma ħalli aktar persuni jsibu impjieg ġdid u b’hekk pajjiżna jirriġenera l-ekonomija u joħloq ġid li jasal għand kulħadd. L-implimentazzjoni tal-baġit għall-2021 mistennija tkompli twassal għal aktar impjiegi u opportunitajiet ekonomiċi ġodda. 

Sport