Sunday, December 22, 2024

Wara kull storja ta’ suċċess, hemm storja ta’ dixxiplina, sagrifiċċji kbar, u perseveranza – Matthew Psaila (Assistant kowċ ġdid ta’ Mosta FC)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta kont żgħir, id-dar dejjem konna nsegwu l-futbol fuq it-televiżjoni. Apparti hekk, dak iż-żmien kienet għadha drawwa li t-tfal joħorġu jilagħbu barra, u dejjem konna nispiċċaw nilagħbu l-futbol, allura qisha ġiet xi ħaġa naturali għalija li nsir inħobb dan l-isport.

Iddeskrivi l-esperjenza tieghek bhala kowc fis-settur tal-youths.

Ilni nikkowcja fis-settur tal-youths f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 15-il sena. Il-‘youth football’ jagħtik sodisfazzjon kbir meta tara l-plejers tiegħek jitjiebu fil-logħba, speċjalment meta jirnexxielhom jilħqu l-livell ta’ futbol tal-kbar, iżda wkoll tarahom isiru rġiel b’valuri tajbin. Tul dawn is-snin kelli x-xorti li nikkowċja plejers li għamluha kemm f’livell ta’ Premier kif ukoll mat-timijiet nazzjonali, u anke naħdem ma’ diversi kowċis li llum il-ġurnata huma rinomati f’pajjiżna.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Valletta FC?

Li tilbes il-flokk ta’ Valletta FC huwa unur, u esperjenza li se nibqa’ ngħożż għal dejjem. Kelli x-xorti li naħdem ma’ grupp ta’ żgħażagħ b’talent u futur sabiħ quddiemhom, b’diversi plejers minnhom jiffurmaw parti mill-iskwadri tat-timijiet nazzjonali Malti f’kategoriji diversi, u oħrajn anke saħansitra waslu biex kisbu post regolari fit-tim tal-kbar ta’ Valletta. Ovvjament, din tagħtik aktar responsabbiltá kemm lejn il-futur ta’ dawn iż-żgħażagħ kif ukoll lejn il-klabb ta’ Valletta.

Minkejja li kien staġun diffiċli ħafna għall-klabb ta’ Valletta, u minkejja d-diffikultajiet li affaċċjajna matul l-istaġun, aktar ingħaqadna bħala skwadra biex niksbu l-kampjonat li tant kienu ilhom jissieltu għalih staġun wara l-ieħor. Minkejja kollox, inħares lura lejn dan l-istaġun b’sodisfazzjon li lħaqna t-tragward tagħna, iżda mhux biss … l-akbar sodisfazzjon hu li tara plejers mis-settur tal-youths jingħataw il-fiduċja biex jilagħbu mal-iskwadra ewlenija. Dak hu l-akbar sodisfazzjon li jista’ jkollu kull kowċ li jaħdem f’dan is-settur.

U fuq l-unur li rbaħt tal-aqwa kowċ fis-settur tal-Youths waqt is-serata finali tal-unuri tal-aqwa kowċis organizzata mill-MFCA?
Ix-xogħol ta’ kowċ jirrikjedi ħafna sagrifiċċji u li tqatta’ ħafna ħin ‘il bogħod mid-dar u mill-familja. Għalhekk huwa sabiħ li tkun rikonoxxut għax-xogħol li tkun għamilt matul l-istaġun, u ta’ dan nixtieq nirringrazzja lill-MFCA. Peró, dan l-unur ma kienx ikun possibli mingħajr l-istaff tekniku li kelli miegħi, li dejjem kienu ta’ spalla għalija, il-plejers li kienu r-ruħ tat-tim u mingħajrhom dan is-suċċess ma kienx jasal, il-headcoach u l-kumitat ta’ Valletta FC Youth Development Sector.

X’tikkummenta fuq is-settur tal-futbol tal-youths u l-grassroots f’pajjiżna u kemm hu importanti dan għall-iżvilupp tal-plejers?

F’dawn l-aħħar 15-il sena inħoss li saru diversi avvanzi fejn jidhol grassroots football f’pajjiżna, kemm fil-livell ta’ kowċing, bix-xogħol li qed isir fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA u kemm fl-infrastruttura. Madankollu, minkejja li l-ammont ta’ plejers jilagħbu barra minn xtutna żdied, meta kkumparat mas-snin passati, xorta waħda n-numri għadhom żgħar hafna, u għalhekk baqa’ ħafna xogħol xi jsir biex niksbu riżultati aħjar.

Illum il-ġurnata, pajjiżi li sa bejn 20 u 30 sena ilu, konna nirbħulhom, saru jirbħulna u anke saħansitra  jikkwalifikaw għal turnaments maġġuri. Dan kollu kien possibli minħabba x-xogħol li sar fuq livell ta’ grassroots, għalhekk jekk irridu naraw li l-futbol Malti tassew javvanza, speċjalment fuq bażi ta’ tim nazzjonali, irid isir ħafna aktar investiment u tibdil kemm fil-mentalitá kif ukoll fl-istruttura tal-futbol tagħna fuq livell ta’ grassroots.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

L-għan tiegħi hu li nkompli nitgħallem u navvanza fil-karriera tiegħi fil-kowċing tal-futbol. Wara 15-il sena nikkowċja f’livell ta’ grassroots u youths, din is-sena għamilt il-pass għal ‘seniors football’, fejn qed nokkupa l-kariga ta’ assistant coach mal-iskwadra ewlenija ta’ Mosta FC. L-iskop tiegħi hu li fis-snin li ġejjin, nibqa’ navvanza fil-kowċing fil-livell ta’ ‘seniors football’.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Huwa tajjeb li toħlom u jkollok aspirazzjonijiet fil-karriera tiegħek fil-futbol. Madankollu, is-suċċess u l-aspirazzjonijiet tiegħek ma jintlaħqux waħedhom. Wara kull storja ta’ suċċess, hemm storja ta’ dixxiplina, sagrifiċċji kbar, u perseveranza. Importanti li kull jum taspira li tkun imqar persentaġġ wieħed aħjar mill-gurnata ta’ qabel, u f’kulma tagħmel tagħti l-massimu tiegħek … b’hekk tkun qed ittejjeb lilek innifsek jum wara l-ieħor!

Ekonomija

Sport