Wednesday, June 4, 2025

Wara kull suċċess, hemm ħafna xogħol u sagrifiċċji – Robert Magro 

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Tista’ tgħid li mit-triq, skola u l-MUSEUM beda kollox, u l-famuzi grawnds tar- ramel. Kull fejn konna mmorru dejjem bil-ballun magħna! 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala viċi-president ta’ Lija Athletic FC.

Inħoss iżjed responsabbiltá. Tista’ tgħid li x-xogħol għall-klabb huwa kontinwu ta’ kuljum u bla waqfien. 

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-president, Colin Ciantar?

Mal-president, Colin Ciantar, naħdem tajjeb ħafna … naqsmu x-xogħol, kulħadd jagħmel il-parti tiegħu imma finalment dejjem nikkonsultaw mal-kumitat biex nieħdu l-aħjar deċiżjoni għall-klabb. 

Min se jkun il-kowċ il-ġdid ta’ Lija Athletic FC, wara t-tluq tal-kowċ, Joseph Galea?

L-ewwelnett, f’ismi u f’isem il-kumitat kollu ta’ Lija Athletic FC, nixtiequ nirringrazjaw lill-eks kowċ tagħna, Joseph Galea, ta’ disa’ staġuni b’231 logħba u żewġ promozzjonijiet għall-Premier. Nawgurawlu kull suċċess għall-futur. Bħalissa qegħdin viċin ħafna li nagħlqu ma’ kowċ partikolari. Fil-jiem li ġejjin, se jkun qed jitħabbar uffiċjalment mill-klabb permezz tal-mezzi soċjali tagħna.

L-ikona ta’ Lija Athletic FC, Erjon Beu, se jibqa’ jilgħab magħkom matul l-istaġun li ġej?

Iva, Erjon Beu jidher li se jerġa’ jilbes il-flokk ta’ Lija Athletic matul l-istaġun li ġej. Huwa ħass ir-responsabbiltá li jgħin lit-tim biex nirritornaw fiċ-Challenge League. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-futbol Malti, inħoss li tjieb xi ftit. Il-faċilitajiet tjiebu ħafna wkoll, biss peró l-passjoni u d-dedikazzjoni lejn il-logħba u r-rispett lejn il-kowċis, president u kumitat, narah li morna lura! 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Aħna nagħmlu l-mirakli ġo nofs grawnd u ilna snin niġġieldu biex insibu spazji fejn inħarrġu t-tfal tan-nursery u tim tan-nisa, u qed inħallsu ħafna flus f’kirjiet ta’ grawnds.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futbol bħala eks plejer tani ħafna sodisfazzjon. Nispera li bħala viċi-president ukoll! 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Wara kull suċċess, hemm ħafna xogħol u sagrifiċċji! Il-messaġġ tiegħi hu li m’għandek taqta’ qalbek qatt, tkun dedikat u titħarreġ b’serjetá, u passjoni għal-logħba tal-ballun!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport