Friday, November 15, 2024

Wara l-bejgħ tal-club … lil min jistgħu jakkwistaw Newcastle United?

Aqra wkoll

Is-saga madwar it-teħid potenzjali ta’ Newcastle United għal £305 miljun fl-aħħar waslet fi tmiemha meta nhar il-Ħamis, il-club ħabbar il-bejgħ tiegħu lil konsorzju appoġġat mill-Arabja Sawdita.

Il-Premier League kkonferma wkoll li l-bejgħ kien ġie approvat, b’”assigurazzjonijiet li r-Renju tal- Arabja Sawdita mhux se jikkontrolla lil Newcastle United Football Club.”

Allura, għaliex qed jinkiteb dwar dan fuq websajt tal-midja sportiva? Minħabba li fis-sajf li għadda, it-teħid deher viċin, iżda ġie ttardjat wara li l-gvern Sawdi ġibed saqajh fir-rigward ta’ lmenti dwar pirateriji ċċentrati madwar il-beIN Sports li huma proprjetà tal-Qatar.

L-Organizzazzjoni Dinjija tal- Kummerċ iddeċidiet li beoutQ, xandar li pirata l-għalf beIN Sports fir-reġjun, kien appoġġjat mill-Arabja Sawdita. Ġimgħat wara, il-pajjiż ipprojbixxa b’mod permanenti lil beIN Sports, id-detentur tad-drittijiet tal-Premier League fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.

Dan deher li kien il-punt ewlieni li jwaħħal għall-Premier League: il- konsorzju, li kien jinkludi finanzjament sostanzjali mill-Arabja Sawdita, ried jixtri club tal-Premier League, minkejja li d-detentur tad-drittijiet tal-Premier League ġie pprojbit fl- Arabja Sawdita.

Iżda nhar l-Erbgħa, l-Arabja Saw­dita neħħiet il-projbizzjoni fuq beIN Sports, u ġurnata wara, it-teħid ġie uffiċjalment imħabbar u approvat. La darba r-relazzjonijiet diplomatiċi (għal darb’oħra, m’għandhomx bżonn jidħlu fil-fond wisq f’affarijiet ġeopolitiċi) bejn il-Qatar u l-Arabja Sawdita bdew jinħallu aktar kmieni din is-sena, deher li l-projbizzjoni fuq beIN eventwalment tiġi rtirata, u ladarba dan ġara, il-bejgħ ta’ Newcastle jista’ iseħħ.

Ħadet iktar milli xtaqu jew stennew ħafna, iżda t-teħid ta’ Newcastle fl-aħħar tlesta. Żgur li issa, mhux se jkun hemm iktar diskussjoni dwar is-sidien l-ġodda ta’ Newcastle?

MIN HUMA L-MANAGERS LI

JISTGĦU JMEXXU LIL NEWCASTLE

Meta kollox huwa setiljat, min huma l-kandidati li jistgħu jmexxu lit-team tal-Magpies meta qed jingħad li f’Jannar il-club lest li jonfuq £200 miljun biex jevita li jiġi rele­gat?

Dawk li qed jissemmew huma:

Antonio Conte – Dan ikun ħatra stellari li tagħmel lil Newcastle wieħed mill-iktar clubs b’saħħithom fl-Ewropa meta t-Taljan huwa fost il-coaches elite tal-Ewropa li jaf jieħu dak li jrid mill-players tiegħu.

Steven Gerrard – L-ex midfielder ta’ Liverpool u l-Ingilterra għamel xogħol tajjeb fl-ewwel ħatra tiegħu bħala manager tal-Iskoċċiżi, Rangers. Huwa jkun għażla popolari u jidher li għandu l-kredenzjali, iżda jidher li jinsab kuntent fl-Iskozja.

Frank Lampard – Isem kbir li jinsab bla xogħol b’dak li għamel fi staġun wieħed ma’ Chelsea huwa possibbilment sottovalutat meta t-team spiċċa fl-ewwel erbgħa bi skwadra żgħira u pprojbit mis-suq tat-trasferimenti. Ikun interessat żgur, iżda jista’  m’għandux il-kredenzjali għal avventura bħal din.

Rafael Benitez – Li kieku l-Ispanjol baqa’ ftit lura milli ħa lil Everton f’idejh fis-sajf li għadda kienet tkun storja oħra, iżda huwa għamel dan għax kien qata’ qalbu f’dawk li kieku jgħidulu li t-teħid ta’ Newcastle se jseħħ. Ikun għażla popolari meta għadu adurat f’Tyneside wara tliet snin magħhom.

Eddie Howe – Manager ieħor bla xogħol li qed jistenna opportunitá ideali li tista’ tkun din. Fis-sajf war­rab lil Celtic u qabel ma mexxiex club kbir bi pressjoni u stennija kbira. Ta’ stima kbira iżda jkun riskju jekk jingħata l-post wara li ġie relegat ma’ Bournemouth.

Arsene Wenger – Ikun bla sens li wieħed iwarrbu meta jista’ jkun ideali biex jgħin f’żoni oħra ta’ żvilupp bħall-akkademja. Iżda almenu misshom jiltaqgħu miegħu.

U MIN HUMA L-PLAYERS LI

JISTGĦU JIĠU AKKWISTATI

Sitt players li realistikament jistgħu jkunu fil-mira tas-sidien mill- Arabja Sawdita huma dawn li ġejjin:

Philippe Coutinho – Il-Brażiljan kien stilla meta lagħab ma Liverpool iżda ngħaqad ma’ Barcelona għal £142 miljun u ma qabadx art tant li ġie misluf lil Bayern Munich bil-konsolazzjoni tkun li ma’ dawn rebaħ iċ-Champions League.

Dean Henderson – Newcastle għandhom ħafna goalkeepers iżda mhumiex ta’ garanzija b’Karl Darlow u Martin Dubravka jċedu posthom wieħed lill-ieħor minħabba li jkunu mweġġgħin. Huwa għandu bżonn jiċċaqlaq minn Manchester United għax mhux se jaqla’ lil David De Gea kif ġieb u laħaq.

Jesse Lingard – Player ieħor tal- United li mhux garantit post fit-team, f’Jannar li għadda wera l-potenzjal tiegħu meta ġie misluf lil West Ham fejn kien suċċess kbir. F’St James Park huwa jingħata l-adorazzjoni li tant iħobb.

Raheem Sterling – L-attakkant tal-Ingilterra issa ilu għaddej bit-taħdidiet għal kuntratt ġdid ma’ Manchester City u għalhekk meta jinsab riesaq lejn l-aħħar sena tal-ftehim kurrenti, jidher li huwa inevitabbli li jfittex club ieħor.

Eden Hazard – Il-Belġjan kien ta’ diżappunt meta minn Chelsea mar ma’ Real Madrid tant li s’issa għadu ma wera xejn mill-bravuri li kien juri mal-Blues għalkemm kien iktar imweġġa’ milli le.

Kalidou Koulibaly – Id-difensur tas-Senegal u Napoli kien issemma’ ma’ Newcastle l-aħħar darba li t-teħid deher li seta’ isir. Iżda issa s-sidien il-ġodda probabbli li jwarrbu l-etá tiegħu biex isaħħu d-difiża meta huwa meqjus bħala difensur mill-aqwa.

Ekonomija

Sport