Saturday, November 9, 2024

Wara l-ewwel erba’ matchdays tal-UNL … Franza u l-Ingilterra jistgħu jiġu relegati

Aqra wkoll

Wara maratona ta’ ħmis­tax-il ġurnata li fihom intlagħbu l-ewwel erba’ matchdays mit-tielet edizzjoni tal-UEFA Nations League, wieħed jista’ jieħu indikazzjoni min se jkunu dawk it-timijiet li se jiġu promossi u li se jiġu relegati. 

Franza huma ċerti li mhux se jgħaddu għas- semi-finali waqt li l-Ingilterra jinsabu viċin li jiġrilhom bħalhom, anzi t-tnejn jistgħu jiġu relegati.

Din li ġejja hija ħarsa fuq fuq lejn l-erba’ Leagues li huma mifruxa fuq erba’ gruppi kull wieħed.

LEAGUE A

Grupp 1 – Iċ-champions tad-dinja, Franza, huma ċerti li mhux se jispiċċaw l-ewwel fil-grupp meta ħa­du żewġ punti biss minn erba’ logħbiet li jfisser li ma ħadux rebħa.

It-team ġie megħlub mid- Danimarka u mill-Kroazja u rebaħ żewġ punti biss kontra l-istess Kroati u l-Awstrija, u min jaf forsi din hija ħajja ġdida għal dawn tal-aħħar meta issa jinsabu taħt il-Ġermaniż, Ralf Rangnick, wara d-disfatta li kellu ma’ Manchester United.

Il-grupp jista’ jiġi deċiż meta d-Danimarka jiltaq­għu kontra l-Kroazja f’Zag­reb.

Grupp 2 – Spanja qed jillidjaw lill-Portugall b’punt, 8/7, u għalhekk kollox jista’ jiġri meta l-Iberjani jospi­taw lil La Roya fis-27 ta’ Set­tembru.

Fl-aħħar logħba tagħhom il-Portugall tilfu 1-0 kontra l-Isvizzera meta kienu mingħajr Cristiano Ronaldo.

It-tielet u r-raba’ hemm ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera li jidher li wieħed minnhom se jiġi relegat.

Grupp 3 – Is-sorpriża tal-grupp huma bla dubju l-Ungerija li jinsabu fuq nett b’seba’ punti segwiti mill-Ġermanja b’punt in­qas minnhom waqt li fl-aħħar logħba tagħhom l-Italja u l-Ingilterra raw il-qiegħ b’telfiet umiljanti kontra l-Ġermanja u l-Ungerija rispettivament.

L-Ingliżi jidher li jistgħu jiġu relegati u dan wara li fil-Euro 2020 ta’ sena ilu kienu waslu sal-finali.

Grupp 4 – L-Olanda warrbu lill-Belġju tant li jinsabu fuq nett tliet punti iktar minnhom waqt li Wales jidhru favoriti li jiġu relegati għalkemm bħalissa jinsabu fis-seba’ sema meta għaddew għall-finali tat-Tazza tad-Dinja.

LEAGUE B

Grupp 1 – L-Ukrajna qed jillidjaw il-grupp punt iktar mill-Iskozja waqt li l-Irlanda jinsabu punt warajhom. 

B’hekk huma qed iżommu l-moral għoli tal-poplu Ukren li jinsab maħkum mill-invażjoni tar-Russja li litteralment qed ifarrkulhom il-pajjiż. 

L-Ukrajna ħadu erba’ punti minn fuq l-Irlanda bit-tlieta l-oħra jeħduhom f’rebħa deċiżiva ta’ 3-0 kontra l-Armenja f’Lodz, il-Polonja.

L-Iskozja ħadu s-sitt pun­ti li għandhom b’reb­ħiet ta’ 2-0 f’darhom u 4-1 kontra l-Armenja li t-tliet punti li rebħu dawn ġew kontra l-Irlanda li għelbuhom 1-0 f’Yerevan.

Grupp 2 – Dan suppost li huwa grupp b’erba’ timi­jiet iżda wara li r-Rus­sja ġew sospiżi mill-football minħabba l-invażjoni tal- Ukrajna, niżel f’wieħed bi tliet timijiet meta ħadd minnhom m’huwa ffansjat.

Hawnhekk Iżrael jinsabu jillidjaw lill-Islanda b’żewġ punti, u meta kull team fadallu logħba, rebħa f’darhom kontra l-Albanija tara lil Iżrael jiġu promossi.

Grupp 3 – Grupp ieħor li fih m’hemmx timijiet iffansjati qed jara lil Bos­nja/Herzegovina jillidjaw lil Montenegro b’punt, 8/7. Għalhekk il-konfront bejniethom għandu jiddeċiedi min jiġi promoss għalkemm ftit hemm bej­niethom tant li fl-ewwel logħba spiċċaw draw 1-1.

Ir-Rumanija huma d- diżappunt tal-grupp meta tilfu tlieta mil-logħbiet li fihom ma skorjawx goal bl-uniku rebħa li kisbu ġiet kontra l-Finlandja 1-0.

Grupp 4 – L-ewwel żewġ timijiet fil-grupp għandhom skorer prolifiku, Erling Haaland għan-Norveġja u Aleksandr Mitrovic għas-Serbja. 

Għahekk mhux kumbinazzjoni li kull team sab ix-xibka sitt darbiet.

Il-konfront ta’ bejniet­hom tas-27 ta’ Settembru għandu jiddeċiedi min jiġi promoss.

L-Isvezja ddiżappuntaw meta għandhom tliet punti minn erba’ logħbiet, punt iktar mis-Slovenja.

Sport