Thursday, December 19, 2024

Wara l-logħba bejn Depiro u Hibs: Il-Kunsill tal-MBA jtemm l-inkjesta tiegħu

Aqra wkoll

Il-Kunsill tal-Malta Basketball Association (MBA) temm l-inkjesta tiegħu dwar il-logħba tal-Kampjonat BOV tal-Irġiel bejn Depiro Basketball Club u Hibernians Basketball Club, li ntlagħbet nhar is-Sibt, 26 ta’ Marzu, 2022 fil-Kumpless tal-MBA, f’Ta’ Qali.

Il-Kunsill nieda inkjesta urġenti wara li rċieva rapport bil-miktub mis-Segretarju Ġenerali tal-MBA dwar allegazzjonijiet ta’ mġieba mhux xierqa u mhux sportiva minn Hibernians u Depiro fejn iż-żewġ timijiet allegatament ma wrew l-ebda motivazzjoni biex jilagħbu bl-aħjar mod tagħhom biex ifittxu rebħa fil-minuti tal-għeluq tal-partita tagħhom tal-kampjonat. 

L-azzjonijiet tagħhom wasslu għal sitwazzjoni fejn fost l-oħrajn l-iskor baqa’ ma nbidilx fl-aħħar sitt minuti tal-logħba.

Waqt żewġ seduti, li saru matul il-jiem li għaddew, il-membri tal- Kunsill tal-MBA analizzaw il-filmati tal-partita, speċjalment il-minuti tat-tmiem, u semgħu x-xhieda mogħtija mill-membri tal-kumitat, il-coaches u l-captains tat-timijiet involuti.

Wara li rrevediet id-dokumentazzjoni u l-evidenza bil-video ppreżentati quddiem il-Kunsill tal-MBA, kif ukoll semgħu d-dikjarazzjonijiet li saru mill-coaches, il-captains tat-timijiet u l-uffiċjali tal-kumitati tal-clubs, ġie miftiehem unanimament li l-logħba tilfet l-integrità tagħha fir-raba’ kwart mir-raba’ minuta ‘l hemm. 

Il-Kunsill tal-MBA ddeċieda li ż-żewġ timijiet, il-coaches tagħhom u l-players fuq il-court għall-aħħar sitt minuti tal-partita, ġabu l-logħba f’diżreputazzjoni serja permezz tal-imġieba mhux xierqa u mhux sportiva tagħhom.

Minkejja dan, il-Kunsill tal-MBA esprima d-dispjaċir sħiħ tiegħu u l-kundanna tal-approċċ adottat mill-players u l-coaches taż-żewġ timijiet li mhux biss imur kontra l-ispirtu tal-basketball iżda jħam­meġ l-integrità u l-immaġini tal-logħba, filwaqt li jagħti eżem­pju ħażin ħafna għall-players kollha, speċjalment iż-żgħażagħ involuti fl-imsemmija partita, u l-kommunità kollha Maltija tal-basketball u l-isport in ġenerali.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill tal-MBA, skond il-Kodiċi Dixxiplinari tal-Assoċjazzjoni li jagħtiha s-setgħa li jiddeċiedi fuq l-atti kol­lha mwettqa li jkunu bi ksur ta’ xi waħda minn dawn ir-regoli stabbi­liti mill-MBA, u li l-Kunsill tal-MBA għandu jkollu s-setgħa li jimpo­ni penali kontra l-parti misjuba ħatja’, wasal għall-konklużjonijiet li ġejjin:

• It-timijiet naqsu milli jżommu l-livell u l-integrità mistennija mill-Kunsill tal-MBA fil-konklużjoni tal-logħba. Għall-azzjonijiet tagħhom li jġibu l-basketball Malti, u l-logħba, f’diżreputazzjoni;

• Il-logħba inkwistjoni hija ddikjarata nulla u bla effett.

• Hibernians BC u Depiro BC għandhom jiġu sospiżi mill-Play-Offs tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Irġiel ta’ dan l-istaġun.

• Iż-żewġ timijiet għandhom ukoll isofru tnaqqis ta’ tliet punti mill-istaġun sussegwenti li fih il-club jutilizza team tal-Kbar tal-Irġiel.

• Il-Kunsill tal-MBA sab ħtija fin-nuqqas ta’ azzjoni tal-clubs rispettivi billi naqas milli jċanfar u jitlob lill-coaches tagħhom biex ibiddlu l-istrateġija tagħhom għall-aħħar minuti tar-raba’ kwart tal-logħba. Għan-nuqqas tal-azzjoni tagħhom, il-Kunsill tal-MBA jimmulta lil kull team it-total ta’ elfejn u ħames mitt ewro (€2,500) li għandha titħallas fi żmien 30 jum kalendarju mid-data tal-pubblikazzjoni tal-penali mill- Kunsill tal-MBA.

• Il-coaches – James Bamfield, ta’ Depiro BC u Mario Tabone, ta’ Hibernians BC, naqsu milli jżommu l-integrità ta’ dan l-isport, u b’riżultat tal-azzjonijiet tagħhom, ġabu l-logħba tal-basketball Malti f’diżreputazzjoni mhux biss lokalment iżda wkoll f’diversi pjattaformi internazzjonali tal-media. Sussegwentement, il-Kunsill tal-MBA qed jissospendi lil kull wieħed minn dawn iż-żewġ coaches għall-bqija tal-istaġun 2021/22, u l-istaġun sħiħ tal-2022/23 mill-attivi­tajiet kollha tal-MBA.

• Il-players naqsu wkoll, biex ikomplu jilagħbu bil-livell mistenni għal-logħba tal-basketball għall-aħħar minuti tar-raba’ kwart.Fid-dawl ta’ dan in-nuqqas, il-Kunsill tal-MBA għandu jissospendi lill-players li għandhom aktar minn tmintax (18-il sena), li kienu fil-court matul l-aħħar minuti tar-raba’ kwart, għal tliet logħbiet konsekuttivi, liema sospensjoni hija ’l fuq mis-sanzjoni preskritta fuq iż-żewġ timijiet mill-play-offs tal-kampjonat ta’ dan l-istaġun. 

Il-players sospiżi għal tliet logħbiet huma: N. Cassar, L. Farrugia, K. Dimech, A. Axiaq u P. Shoults (Hibernians) u S. Galea, J. Micallef u L. Vella (Depiro). 

• Kwalunkwe player ieħor, li ma jkunx għadu għalaq l-età legali ta’ tmintax-il (18-il sena), għandu jkun eżenti mis-sospensjoni msemmija qabel, peress li l-coach huwa res­ponsabbli għal dawk il-minuri.

Madankollu, il-Kunsill tal-MBA għadu jiddetermina li dawn il-players għandhom jiġu mwissija serjament għall-azzjonijiet tagħhom fl-aħħar minuti tal-logħba. 

Barra minn hekk, jekk il-players jiġu mwissija għal falliment sussegwenti, għandhom ukoll jiġu sospiżi għal tliet (3) logħbiet konsekuttivi. It-twissija għandha tibqa’ applikab­bli għal sentejn kalendarji (2) mid-data tal-logħba. Il-players imwissija għal sentejn (2) kalendarji huma: L. Attard u S. Kennelly ta’ De­piro. 

Il-Kunsill tal-MBA qal li jirriserva d-dritt li jieħu aktar azzjonijiet jekk joħorġu xi fatti oħra, waqt li tenna l-pożizzjoni tiegħu ta’ tolleranza żero kontra kwalunkwe az­zjoni jew tentattiv li jimmina l-integrità tal-logħba fil-livelli kollha.

Ekonomija

Sport