Żewġt irġiel tressqu l-Qorti fejn ġew akkużai li stupraw żewġ nisa li kien ħarġu magħhom għal ‘double date’. Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ beda nhar it-Tlieta li għadda meta żewġ nisa kienu marru fl-Għassa ta’ San Ġiljan fejn allegaw li kienu ġew stuprati.
Fir-rapport tagħhom allegaw li kienu ilhom jitkellmu ma’ Özgür Evciman ta’ 26 sena u Özgür Dokuzer ta’ 42 sena fuq l-app Bumble u kienu ħarġu kollha flimkien għal xi drink.
Allegaw li wara d-drinks huma spiċċaw fl-appartament ta’ Evciman. Qalu wkoll li waqt li kienu fuq is-sodda kollha flimkien, Dokuzer qal lil mara li kien qiegħed jitkellem magħha fuq l-app li ried jagħmel is-sess magħha.
Il-mara allegat li hu daħħalha fil-kamra tal-banju u pprova jġiegħelha tagħmel is-sess miegħu għalhemm hi ma riditx. Qaltlu wkoll li biex tagħmel is-sess trid tuża l-protezzjoni. Minkejja dan, l-akkużat baqa’ jipprova jisforza ruħu fuqha. Fl-istess ħin, il-mara l-oħra allegat li Evciman l-ewwel messha b’mod sesswali bil-forza u mbagħad stupraha wkoll. Hija qalet li kienet fis-sakra u ma tiftakarx kollox ċar ta’ dak li ġara.
Dokuzer residenti l-Pietà ġie akkużat bi stupru u anke li żamm lil waħda min-naħa kontra r-rieda tagħha. Hu ċaħad l-akkużi kollha kontrih.
L-avukata Kathleen Calleja Grima li qed tmexxi d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest u qatli li n-nisa rraportaw il-każ tard wara dak li seħħ… kważi ġimgħa wara.
Quddiem il-Qorti l-avukata qalet li r-rapport kien ibbażat biss fuq kliem in-nisa u li ma kienx hemm inkjesta. Qalet ukoll li l-klijent tagħha mblokka lill-allegata vittma minn fuq il-media soċjali. Min iħaddem lil Dokuzer xehed li jaf sew lill-akkużat u kien lest ikun garanzija għalih jekk jingħata l-ħelsien.
Il-Prosekuzzjoni, rappreżentata mill-Avukat Kristina Bartolo, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali opponiet għall-ħelsien u qalet li n-nisa għadhom ma xehdux u li l-akkużati jafu fejn jgħixu peress li marru jiġbruhom mid-dar tagħhom.
Min-naħa tiegħu Evciman residenti l-Gżira wkoll ċaħad l-akkużi ta’ stupru kif ukoll li żamm lil mara kontra r-rieda tagħha, li wettaq atti sesswali mhux ikkunsensjati u li ħarasha.
L-avukat difensur, Giannella De Marco, talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest.
Hija qalet li l-allegata vittma kienet anki ħadet filmat tal-veduta mill-appartament tiegħu wara l-allegat stupru u tefgħatu fuq Instagram, u sostniet li dan imur kontra l-imġiba ta’ persuna li tkun għaddiet minn stupru.
L-avukat żiedet tgħid li l-għada filgħodu, wara l-allegat stupru, iż-żewġ nisa marru għall-kolazzjon mal-akkużati u spiċċaw ukoll fl-appartament ta’ Dokuzer, fejn kien hemm raġel ieħor. Skont l-avukat, waħda min-nisa anki reġgħet marret torqod ma’ Evciman.
Anke hawnhekk, min jimpjega lil Evciman xehed li kien lest ikun garanzija għalih. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Ann Marie Thake, irrifjutat it-talbiet għall-ħelsien mill-arrest għaż-żewġt irġiel u ordnat li jibqgħu miżmuma arrestati sakemm il-kawża tkompli.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Avukat Kristina Bartolo, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bl-assistenza tal-Ispetturi Ian Azzopardi u Wayne Buhagiar. Evciman kien assistit mill-avukati Giannella De Marco u Charles Mercieca, filwaqt li Dokuzer kien assistit mill-avukat Kathleen Calleja Grima.

