Sunday, November 23, 2025

Wara li sparixxa Harbinson… x’se jiġri?

…. ma jistax jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għax il-piena li qed jiffaċċja għax ma jixhidx hija inqas mill-minimu li hemm bżonn biex issir talba simili

Aqra wkoll

Din kienet ġimgħa li fiha seħħ żvilupp mill-aktar importanti fil-każ tal-isptarijiet fejn Jeremy Harbinson, l-espert mill-Irlanda ta’ Fuq li kien reaponsabbli għar-rapport li fuqu straħet l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, qal li mhux talli mhux lest li jiġi jixhed f’Malta iżda ukoll lanqas hu lest li jixhed b’rogatorja f’Qorti Ingliża.   Ħafna qegħdin jistaqsu x’ jiġri issa.  Staqsejna numru ta’ esperti legali u minn hemm joħorġu id-diversi possibiltajiet li jeżistu.

X’nafu sa’ issa

Jeremy Harbinson kien l-espert ewlieni li kien responsabbli ta’ numru ta’ persuni oħra li kitbu r-rapport.  Ta’ dan ir-rapport huwa tħallas €11 miljun u fuq il-pagi tal-persuni l-oħra li ħadmu miegħu huwa għamel il-qliegħ.

Dawn l-esperti kollha li xehdu qalu li huma ma kienux responsabbli tar-rapport iżda li kienu jirrapurtaw lil Harbinson u hu responsabbli.

Min-naħa tiegħu,  f’affidavit fejn qal li ma jridx  jixhed, Harbinson qal li hu kull ma għamel kien li ġabar u rreveda l-informazzjoni li ġabru l-esperti l-oħra iżda ma kienx involut fil-ġbir tal-informazzjoni.

L-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella tinkludi biss ir-rapporti tal-esperti u xejn aktar.  Ibbażat fuq hekk hija rrakkomandat li joħorġu akkużi kontra numri kbir ta’ persuni.

L-Avukat Ġenerali ħa biss ftit jiem biex ħareġ dawn l-akkużi.  Xhieda differenti, b’mod ewlieni uffiċjali tal-Pulizija, qalu li huma ma għamlu l-ebda investigazzjoni oħra u qagħdu biss fuq l-inkjesta biex inħarġu l-akkużi.

Min-naħa tiegħu, fl-affidavit Harbinson qal li r-rapport tiegħu ma kienx intenzjonat u qatt ma kellu jintuża biex jinħarġu akkużi.

Harbinson xehed darba fil-Qorti Maltija f’Ottubru tas-sena l-oħra f’każ relatat fir-rigward ta’ iffriżar tal-assi.  Huwa għamel dan permezz ta’ video conferencing.  F’din ix-xhieda deher skomdu ħafna u ma kienx jaf iwieġeb b’mod ċar mistoqsijiet.  Minn hawn sparixxa.

Meta beda jiġi msejjaħ biex jixhed fil-kumpilazzjoni, l-ewwel qal li ma setax jiġi Malta.  Minkejja l-protesti tad-difiża li dan kellu dmir li jiġi wara li tħallas €11 miljun, il-Qorti aċċettat li jixhed b’video conference.  Fl-ewwel seduta huwa ma daħalx onlajn.

Huwa ikkommunika mal-Qorti li ried ikun jaf il-mistoqsijiet bil-quddiem u jkun hemm nies oħra miegħu.  Qal ukoll li ma setax joħroġ mill-Irlanda ta’ Fuq għax martu marida ħafna.  Il-Qorti talbitu jippreżenta ċertifikati mediċi iżda qatt ma għamel hekk.  Issa l-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq qalu li huwa jinsab imsiefer fit-tul.

Hekk kif reġa’ ġie mitlub jixhed huwa bagħat affidavit bid-data tal-10 ta’ Frar fejn bħal San Pawl fit-triq ta’ Damasku inbidel u issa beda jgħid li ma jridx u ma jistax jixhed, għax m’ għadx għandu warrant.  Żied jgħid li jibża’ jiġi Malta.

Hawnhekk il-Qorti Maltija użat is-sistema tar-rogatorja fejn b’talba bla preċedent talbet lill-awtoritajiet Ingliżi li Harbinson jixhed quddiem Qorti Ingliża.  Harbinson irrifjuta mill-ġdid u bagħat l-istess affidavit.

Ġara li l-awtoritajiet Inglizi qalu li għalihom il-każ magħluq. Il-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti tiddeplora l-aġir ta’ Harbinson u qalet li se tagħmel dak kollu li tista’ biex dan jiġi Malta. Sadanittant, f’Qorti oħra waqt smiegħ ta’ kawża dwar iffriżar tal-assi, Harbinson weħel disprezz tal-Qorti talli ma deherx, b’multa ta’ €500 u ordni li jekk jiġi Malta jiġi skortat mill-ewwel lejn il-Qorti.

Dan kollu filwaqt li l-argumentt ewlieni tat-teoriji tar-rapport ta’ Harbinson ġew imxejna mid-deċiżjoni tat-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ li bl-esperti tiegħu iddeċieda li ma kien hemm l-ebda serq jew frodi u li l-Gvern ħa dak li ħallas għalih.

X’ jista jsir dwar Harbinson?

Minkejja l-kliem tal-Prosekuzzjoni hemm ftit li xejn li jista’ jsir dwar Harbinson. Ma jistax jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (European Arrest Warrant) għax il-piena li qed jiffaċċja għax ma jixhidx hija inqas mill-minimu li hemm bżonn biex issir talba simili. Anki jekk il-Qorti tordna l-arrest tiegħu, dan jista’ jitwettaq biss jekk jiġi Malta.

X’jiġri issa?

Il-Prosekuzzjoni qalet diversi drabi li Jeremy Harbinson huwa xhud indispensabbli, jiġifieri li mingħajru ma hemmx każ. Id-Difiża tgħid li anki bih ma hemmx każ iżda mingħajru kulħadd żgur jaqbel li ma hemmx. Il-fatt li r-rapport tiegħu huwa prattikament l-uniku prova li ppreżentat il-Prosekuzzjoni jagħmilha kruċjali li d-Difiza jkollha d-dritt li tagħmel kontroezami.  Dan id-dritt qed jigi miċħud.  Biċ-ċaħda ta’ dan il-dritt, l-ebda Qorti ma tista’ ssib lill-akkużati ħatja.

L-ewwel triq li teżisti hi li l-Avukat Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni dan kollu u twaqqa’ l-każ kif kieku jsir normalment.  Dan iwassal għal attakki minn Repubblika u nies oħra iżda n-nuqqas ta’ dan il-pass iwassal għal tul bla bżonn ta’ kawża li ma hija sejra imkien u tesponi lill-Istat għal kawżi għal danni.

It-tieni triq hija li l-Avukat Ġenerali tfarfar, tagħlaq il-provi u l-każ jimxi għal ġuri.  Hemmhekk, il-Qorti tkun trid tieħu inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ possibiltà li Harbinson jiġi mistoqsi mid-difiża u normalment il-każ jaqa’.

L-akkużati issa ilhom sentejn il-Qorti jistennew, bl-assi ffriżati.  Wieħed irid jara min se jkollu l-kuraġġ li jagħmel ġustizzja magħhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport