Sunday, October 27, 2024

Wara r-Ryanair, Lufthansa għal Malta wkoll

Aqra wkoll

Il-grupp internazzjonali tal-ajru Lufthansa se jkun qiegħed jistabbilixxi operat tal-avjazzjoni ġdid f’pajjiżna. Skont tagħrif li għandha Talk.mt, il-linja tal-ajru Eurowings Europe Ltd., li tagħmel parti mill-grupp Lufthansa, se tkun qed tikseb Air Operator Certificate (AOC) ta’ pajjiżna wara numru ta’ diskussjonijiet li l-linja tal-ajru kellha mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta.

Talk.mt tinsab infurmat li fis-sigħat li għaddew il-kumpanija Eurowings bgħatet ċirkulari interna lill-ħaddiema kollha sabiex tavżahom b’dawn il-bidliet illi se jkunu qed iseħħu fil-ġranet illi ġejjin. Jidher li din il-bidla se tkun qed issir fi żmien qasir anke għall-fatt li l-linja tal-ajru għandha fil-pjan tagħha li tibda topera l-iskeda tax-xitwa 2022/2023. Hekk kif issir din il-qalba, il-pubbliku mbagħad ikun jista’ jibda jara dawn l-ajruplani bil-marki tar-reġistru Malti 9H u l-bandiera Maltija biswit.

F’kumment lil dan is-sit, il-Ministru għat-Trasport Ian Borg sostna li dan il-Gvern għandu viżjoni ċara u waħda ewlenija, dik li jirreplika s-suċċess li pajjiżna rnexxielu jikseb matul is-snin fil-qasam marittimu għall-avjazzjoni. “Ir-reġistru tal-avjazzjoni Malti 9H qiegħed jibqa’ jkun wieħed mill-aktar li qed jikber fl-Ewropa u qed naraw li linji tal-ajru ġganti qegħdin jagħrfu s-serjetà li dan il-pajjiż qed jimxi biha f’dan is-settur u qed jagħżlu sabiex itajru l-bandiera tagħna. Min-naħa tagħna se nibqgħu nistinkaw sabiex naraw li r-reputazzjoni u l-kwalità tar-reġistru tagħna jibqgħu ottimi”, qal Ian Borg.

Din mhix l-unika kumpanija li fl-aħħar xhur għamlet dan il-pass importanti. Ftit tax-xhur ilu rajna l-wasla f’Malta tal-ewwel ajurplan tal-MaltaAir Boeing 737 Gamgechanger. Dan wara li ftit tas-snin ilu l-akbar kumpanija tal-ajru fl-Ewropa Ryanair għażlet illi tirreġistra parti kbir mill-flotta tagħha f’Malta filwaqt li ħolqot linja tal-ajru oħra li ttajjar il-bandiera Maltija.

Min-naħa tiegħu l-Kaptan Charles Pace, Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi ħdan Transport Malta kkonferma li fl-aħħar xhur id-Direttorat kien għaddej b’numru ta’ laqgħat mal-grupp Lufthansa sabiex ikollhom l-ewwel AOC Malti. Huwa qal li jinsab sodisfatt li kumpanija tal-avjazzjoni daqstant kbira u b’saħħitha għal darboħra qed terġa’ tagħżel lil Malta sabiex tkompli ssaħħaħ l-operat tagħha. Huwa sostna kif ir-reġistru Malti bħalissa għandu rreġistrat miegħu aktar minn 640 ajruplan u bħalissa għaddejin b’diskussjonijiet intensivi li se jkunu qed jattiraw aktar investiment lejn pajjiżna. Il-Kaptan Pace ħabbar li bħalissa qed jiġu proċessati 10 Air Operator Certificates oħra.

Talk.mt infurmata li fil-jiem li ġejjin kumpanija li diġà hija reġistrata f’pajjiżna se tkun ukoll qed tkompli tkabbar l-operat tagħna.

Sport