Friday, May 30, 2025

Wara s-suċċess ta’ din is-sena mhux sigriet hemm, imma xogħol minn ħafna nies ġewwa l-klabb f’direzzjoni waħda – Andre Ghio 

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?

L-imħabba tiegħi lejn il-hockey bdiet meta kont Form 1 u l-għalliem tal-Ingliż, is-Sur Vella, beda jħajjarna immorru nittrenjaw il-hockey wara l-ħin ta l-skola. Konna nitilqu wara l-aħħar lezzjoni u nibqgħu sejrin nittrenjaw il-Polythecnic. Minn hemm, wara ftit xhur, l-istess għalliem kien ħajjarna biex nibdew nittrenjaw mal-klabb tal-Young Stars ġewwa l-Furjana. Apparti l-hockey, kont għamilt ħafna ħbieb li konna nilagħbu l-hockey flimkien u nissoċjalizzaw ukoll. Hemm membri minn dan il-grupp li avolja ħadna toroq differenti, għadna ħbieb.

X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek bħala kowċ sa issa kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

Fil-kowċing kelli ħafna unuri u nista’ ngħid li rbaħt għal iktar minn darba kull kompetizzjoni lokali, kemm dawk tat-tfal kif ukoll tal-kbar. Bħala kowċ tal-1st team, irbaħt il-kampjonat disa’ darbiet, in-Knock-Out sitt darbiet, is-Super Cup 11-il darba u ċ-Challenge Cup tmien darbiet.

Irnexxielna wkoll niktbu l-istorja għall-hockey Malti meta rbaħna erba’ kompetizzjonijiet Ewropej, darbtejn il-Europpean Club Competitions Division 3 (2022 u 2023) u darbtejn oħra id-Division 4 (2014 u 2016).

Peró, l-iktar li għadni niftakar huma, kompetizzjoni li konna lgħabna bl-Under 14 ġewwa San Cataldo, kienet l-ewwel darba li ħadna tfal jilagħbu barra minn xtutnna u konna rbaħna t-tornew. NIftakar ukoll il- kampjonat tal-istaġun 2014/15, meta kienu telqu minn mal-klabb seba’ plejers tal-ewwel tim, daħħalna ħafna tfal minn nursery u rnexxielna nirbħuh ukoll. Ovvjament, il-kompetizzjonjiet Ewropej jibqgħu dejjem fil-memorji tiegħi, speċjalment dawk mirbuħa fit-Turkija u ieħor ġewwa Ġibiltá.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ ta’ Qormi HC.

Preżentement għandna tim mimli bi plejers ta’ talent li kollha telgħu mill-akkademja ta’ Qormi Daikin HC. Għandna taħlita ta’ plejers b’esperjenza, plaejers li qegħdin fl-aħjar tagħhom kif ukoll żgħażagħ ġodda. Il-livell nemmen li hu tajjeb u bil-ġenerazzjoni l-ġdida li tiela’ nemmen li l-klabb għandu futur sabiħ.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-kampjonat minn Qormi Daikin HC fil-ġimgħat li għaddew?

Wara s-suċċess ta’ din is-sena, mhux sigriet hemm, imma xogħol minn ħafna nies ġewwa l-klabb f’direzzjoni waħda, speċjalment meta l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb, il-klabb tagħna jibqa’ jaħdem fl-istess direzzjoni. Filwaqt li fuq il-pitch, it-tim dejjem jaħdem biex ikun aħjar u b’mod kostruttiv nitgħallmu mill-iżbalji tagħna. Il-plejers dejjem iżommu d- dixxiplina kemm bħala individwi u anke bħala tim. Hemm grupp ta’ plejers li huma ‘committed’ ħafna u kollha jaħdmu biex itejbu l-logħba tagħhom personali kif ukoll bħala tim. 

Dan filwaqt li fil-jiem li għaddew bħala tim irbaħtu wkoll in-Knock-Out. Agħtina iktar dettalji.

Il-kompetizzjoni tan-knock-out għalqet l-istaġun lokali tal-hockey. Kienet kompetizzjoni li fiha ffaċċjajna żewġ logħbiet interessanti. 

Fis-semi-finali ltqajna ma’ Floriana fejn kellhom introduzzjoni ta’ erba’ plejers barranin li għamlu differenza kbira fit-tim tagħhom. It-tim ta’ Qormi avolja b’diversi plejers titolari neqsin irnexxielna noħorgu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2. 

Dan filwaqt li fil-finali ltqajna ma’ Zurrieq. F’din il-logħba, erġajna kellna diversi plejers titolari neqsin u stennejna sfida tajba. Peró, bħala Qormi konna superjuri matul il-logħba, speċjalment fit-tieni taqsima u ħriġna rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.

Fl-aħħar staġun irbaħna il-ħames kompetizzjonijiet tal-kbar – is-Super Cup, iċ-Challenge Cup, il-Hockey 5s, il-Kampjonat Nazzjonali u n-Knock-Out. Għamilna dan billi ma tlifna qatt u kellna riżultat ta’ draw wieħed.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-hockey.

Kienet esperjenza differenti ħafna minn tal-klabb. Kienet esperjenza pożitiva wkoll, fejn jien pruvajt ngħaqqad l-aħjar talent Malti, kemm bħala plejers kif ukoll bħala staff, biex ingġbu l-aħjar riżultat possibli għal pajjiżna. Naħseb li kien traqawrd li lħaqna fiż-żewġ kompetizzjonijiet li tlajna. Peró, f’dan il-livell irridu nkunu ħafna iktar professjonali biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. 

Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Nemmen li l-hockey ġewwa pajjiżna huwa ta’ livell tajjeb meta tikkonsidra f’liema stat jintlagħab il-hockey ġewwa Malta. Meta tikkunsidra l-iżvantaġġ li għandna bl-art sintetika li qed tintuża, naħseb li l-klabbs għamlu xogħol tajjeb ħafna. Peró, il-hockey Malti ma jistax jimxi ‘l quddiem jekk mhux se jsir investiment f’art adekwata. Meta mmorru nilagħbu barra minn Malta, l-ewwel logħob inkunu qed naddattaw biex nilagħbu fuq art totalment differenti. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Iva, filwaqt li bħala klabb nippruvaw inġibu l-aħjar apparat, minn naħa ta’ art artifiċjali, illum qed nilagħbu fuq art ta’ kważi 25 sena! Mhix art tajba biex isiru kompetizzjonijiet internazzjonali fuqha u partijiet mill-art illum spiċċat. Hemm bżonn investiment biex din l-art tinbidel. Filwaqt li saru diversi kompetizzjonjiet Ewropej ġewwa Malta fil-passat, illum ma jistgħux isiru minħabba l-art inadekwata.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey?

Meta nħares lejn il-futur qrib, nispera li nkomplu nkabbru l-klabb ta’ Qormi Daikin HC kemm fis-settur tal-kbar imma speċjalment fis-settur taż-żgħażagħ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.

Dan huwa possibli jekk tkun dedikat u tieħu l-affarijiet bis-serjetá. Fil-hockey huwa possibli li tagħmel karriera profesjonali llum il-ġurnata … jekk temmen fik innifek u tistinka, tasal! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport