Sunday, December 22, 2024

“Wara s-suċċess tal-kowċ hemm grupp ta’ plejers magħqudin”

Darren Abdilla - Coach ta' Gżira United

Aqra wkoll

Fil-passat mexxa wkoll lil Valletta FC bħala kowċ. Kien ukoll jilgħab ma’ Tarxien Rainbow mil-livell ta’ taħt it-12-il sena fejn baqa’ tiela’ sakemm lagħab ukoll mat-tim tal-kbar. Huwa wieħed mill-aqwa kowċis f’pajjiżna.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdiet minn meta kont żgħir meta kont nilgħab ma’ Tarxien Rainbow mil-livell ta’ taħt it-12-il sena fejn bqajt tiela’ sa meta kont lgħabt mat-tim tal-kbar. B’xorti ħażina kont qed inħoss uġigħ f’dahri b’mod kontinwu u ndunajt li ma stajtx nilgħab iktar u kien għalhekk li bdejt il-karriera ta’ kowċ.

Biex ngħidlek il-verita’, dan ir-rwol minn dejjem għoġobni u kien għalhekk li saħansitra bdejt nikkowċja lit-tim ta’ taħt it-12-il sena ta’ Tarxien Rainbows. Tant interessajt ruħi li bdejt nagħmel il-liċenzji sabiex navvanza f’din il-karriera u llum il-ġurnata għandi l-UEFA PRO xi ħaġa li kont sodisfatt li rnexxieli nġib.

X’differenza tara bejn li tkun kowċ għal meta tkun plejer?

Meta tkun plejer tal-futbol, int awtomatikament taħseb ħafna fik innifsek fejn titħarreġ taħt il-gwida tal-kowċ filwaqt li tara li tilgħab b’mod regolari.

Min-naħa l-oħra, meta tkun kowċ tal-futbol, int irid ikollok x’taqsam ma’ diversi affarijiet fosthom relazzjoni mal-iskwadra magħmula minn plejers b’karattru differenti kif ukoll mal-partitarji u membri tal-kumitat. Trid tkun kapaċi tgħaqqad l-iskwadra bħala ħaġa waħda għax b’hekk biss jaslu s-suċċessi mixtieqa.

Bla dubju li Gżira United FC hu tim ferm għal qalbek minħabba li int kellek l-ewwel esperjenza magħhom bħala kowċ f’tim tal-Kampjonat Premier Malti. X’tiftakar mill-ewwel esperjenza tiegħek tmexxi tim fl-ogħla kampjonat Malti?

Il-bidu tiegħi ma’ Gżira United fil-kampjonat Premier hi xi ħaġa li diffiċli ninsiha. Fuq kollox, kienet ukoll l-ewwel esperjenza tiegħi mmexxi tim tal-Premier. Niftakar il-promozzjoni tagħna għall-ogħla diviżjoni fejn għall-bidu jien kont bħala assistent kowċ ta’ Branko Nisevic iżda mbagħad għal Novembru kont inħtart sabiex immexxi t-tim jien. Niftakar ħafna mumenti sbieħ speċjalment meta wara li l-ewwel parti tal-istaġun ma kinitx daqshekk tajba, fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar konna xtrajna numru ta’ plejers li għamlu d-differenza u eventwalment konna salvajna postna fil-Premier.

Niftakar ukoll meta ftit tal-ġranet ilu rnexxielna ngħaddu għat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League u qlajna barra lil Radnicki Nis tas-Serbja bl-għoti tal-penalties. Jien kont qed nemmen li stajna nagħmluha u fil-fatt hekk ġara. Kien tragward li sar mhux biss minna iżda anke minn Hibernians FC u Ħamrun Spartans FC u għalhekk naħseb li għamilna Malta kburija b’dak li rnexxielna nwettqu.

Semmejt diversi mumenti storiċi ma’ dan il-klabb. Kemm hu għal qalbek Gżira United FC?

Gzira United FC hu ferm għal qalbi. Biss biss meta rnexxielna niksbu post fl-Ewropa wara 34 sena kienet diġa’ xi ħaġa kbira aħseb u ara kemm avvanzajna f’dawn l-aħħar snin u kemm issa tim rispettat minn kulħadd. Fuq kollox, dan it-tim tani wkoll iċ-ċans li nikkowċja plejers li għamlu isem fil-futbol Malti bħal Andrew Cohen, Justin Haber u Roderick Briffa. Għalhekk dan il-klabb u għal dak li għamel miegħi, diffiċli ninsih.

L-istaġun li għadda ma kienx wieħed daqshekk feliċi għalkemm xorta waħda rnexxielkom tgħaddu għall-kompetizzjonijiet Ewropej. Kien final ta’ staġun verament eċitanti hux hekk?

Iva naqbel miegħek mija fil-mija. Fl-istaġun li għadda kellna numru ta’ injuries li għamlitilna l-biċċa tax-xogħol ferm diffiċli. Minkejja kull diffikulta’ bqajna magħqudin u proprju fl-aħħar parti tal-kampjonat irnexxielna niksbu post fil-UEFA Europa Conference League. 

Niġu issa għal dan l-istaġun. Taħseb li għandkom skwadra b’saħħitha biżżejjed sabiex tirbħu l-kampjonat?

Ejja ngħidu li jien nemmen ħafna fl-iskwadra li għandna. Kulħadd hu magħqud bil-plejers, kowċis u kumitat. Għan wieħed li rridu niksbu dejjem l-aqwa u l-aħjar. Ovvjament tidħol ukoll l-element ta’ xorti. Is-sena l-oħra, kif għedtlek aktar qabel, ix-xorti ftit daħkitilna għalkemm s’issa kellna riżultati tajbin u ninsabu man-naħa ta’ fuq tal-klassifika. L-għan hu dejjem wieħed – dak li nirbħu!

X’inhuma l-fehmiet dwar il-kumitat ta’ Gzira United immexxi mill-president Sharlon Pace?

Il-president Sharlon Pace hu wieħed minn dawk li lilna jafdana b’għajnejh magħluqa. Hu bniedem li jħobb l-iskwadra u dejjem jara li kollox jinsab għaddej kif suppost. Jien u hu nitkellmu kontinwament u waħda mill-aħħar ftehim li rnexxielna naqblu fuqu hu li nġeddu l-kuntratt tal-plejer Brażiljan Maxuell Maia li fl-attakk tant qed jilgħab tajjeb flimkien ma’ Jefferson de Assis.

Niġu issa biex nitkellmu fuq temi li għandhom x’jaqsmu mal-futbol Malti. Taqbel ma’ kampjonat Premier li jkollu 14-il tim?

Ma naqbel xejn li jkun hawn 14-il tim jimmilitaw fil-Kampjonat Premier. Nemmen li pajjiżna għaċ-ċokon li qegħdin ma jiflaħx għall-kampjonat b’daqshekk timijiet. Jien nara li qed jinqasmu r-riżorsi u eventwalment qed tonqos il-kwalità.

Taqbel li tim mill-Kampjonat Premier ikun jista’ jutilizza 11-il plejer barrani?

Jekk nitkellm bħala kowċ naqbel li jkun hawn suq ħieles sabiex b’hekk ikollna ċans nagħżlu l-aqwa plejers irrispettivament jekk hux Malti jew barranin. Irrid ngħid ukoll li jekk plejer Malti jkun tajjeb u ħaqqu jilgħab, bla dubju li hu se jibda mal-ewwel ħdax.

Jekk nitkellem minn lenti ta’ partitarju tal-futbol Malti, ċertament li ma niħux gost li jkun hemm 11-il barrani fit-tim minħabba li ż-żgħażagħ Maltin jonqsilhom iċ-ċans li jilagħbu.

Madankollu taqbel miegħi li hemm plejers barranin li huma xi ftit inferjuri bħala livell?

Iva naqbel miegħek. Fil-verità int issib minn kollox. Jien dejjem ngħid li plejer barrani hu kaxxa magħluqa fejn minkejja l-videos li tara fuqu, xorta mhux dejjem issib il-livell mixtieq.

X’taħseb dwar il-grawnds li fihom jintlagħab il-Kampjonat Premier?

Bla dubju li s-Centenary Stadium hu grawnd ta’ livell tajjeb speċjalment it-turf artifiċjali li għandu. Minkejja kollox, l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali u t-Tony Bezzina Stadium dan l-aħħar ma tantx kienu f’kundizzjoni tajba u dik tista’ tkun raġuni valida li jsiru injuries. Il-plejers tagħna batew ferm b’dan kollu matul l-istaġun li għadda.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referees fil-Kampjonat Premier?

Jien ngħid li r-referees qed jagħmlu biċċa xogħol tajba. Hemm referees ta’ livell li mhux darba jew tnejn li jiġu mgħajta biex jirreffjaw barra minn Malta. Personalment rajt ukoll titjib fil-mod ta’ kif jikkontrollaw il-logħob.

X’se jkun il-futur ta’ Darren Abdilla?

Għad fadalli kuntratt ta’ sentejn ma’ Gzira United. Ninsab kuntent hawnhekk u nista’ ngħid li aħna familja magħquda li nifirħu bis-suċċessi li niksbu u nikkonslaw lil xulxin meta l-affarijiet ma jmorrux tajjeb.

Finalment nixtieqek twassal messaġġ lill-partitarji ta’ Gzira United biex dejjem jibqgħu wara t-tim.

Fil-veritá, jien nixtieq nirringrazzja lill-partitarji tat-tim li minkejja li ma tantx qegħdin ħafna fin-numru iżda għandhom qalb kbira. Dejjem isegwuna u ta’ dan verament napprezzaw bħala diriġenti u plejers.

… u messaġġ ieħor lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li bħalek jixtiequ jibdew karriera ta’ suċċess fil-kowċing.

L-ewwel nett, il-karriera ta’ kowċ iġġiblek sodisfazzjon kbir speċjalment meta jkollok grupp magħqud. Se jiġu mumenti diffiċli, iżda jekk tkun tim magħqud, kollox jgħaddi.

Minkejja kollox, wieħed mhux kemm jgħid li jsir kowċ u daqshekk. Hemm ħafna preparazzjoni, korsijiet xi jsiru u fuq kollox ħafna dedikazzjoni. Jekk għandek dawn l-ingredjenti mela l-kowċing verament jgħodd għalik. 

Ekonomija

Sport