Saturday, May 4, 2024

“Wara sentejn online ħarġet deċiżjoni inġusta u li ma tagħmilx sens”

Studenti fit-tieni sena tal-Masters tal-Accounts fl-Università jintalbu jmorru fiżikament għall-eżamijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Grupp ta’ studenti fil-kors tal-Masters tal-Accounts tat-tieni sena fl-Università ta’ Malta jinsabu mħassba wara l-aħħar deċiżjoni li ttieħdet dwar l-eżamijiet li jmiss tagħhom fejn qegħdin jintalbu li jattendu għalihom fiżikament. Dawn l-istudenti, fid-dawl tal-fatt li bħalissa hemm żieda fil-każijiet tal-Covid-19 u li ilhom għal dawn l-aħħar sentejn jagħmlu l-lezzjonijiet online, iħossu li din id-deċiżjoni hija waħda inġusta u li ma tagħmilx sens fiċ-ċirkostanzi preżenti.

“Qalulna li f’każ ta’ kwarantina jew agħar, f’każ li student ikun pożittiv għall-virus, se jkollna nagħmlu l-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru u dan ifisser li wisq probabbli mhux se ningħataw l-opportunità li nerġgħu npoġġu għall-eżami,” spjegaw l-istudenti.

Dawn qegħdin iħossu inċertezza minħabba li ma jafux jekk humiex se jiggradwaw u inkwetati jekk ma jkunux se jistgħu jirrepetu l-eżami. Qalu li, “inħossu li din id-deċiżjoni hija waħda inġusta għall-aħħar għall-fatt li l-korsijiet fl-Università ta’ Malta qegħdin jagħtu lill-istudenti l-opportunità li jagħmlu l-eżamijiet tagħhom online”.

B’osservazzjoni għall-fatt li l-każijiet tal-infezzjonijiet tal-Coronavirus qegħdin jiżdiedu u “ma jidhirx li s-sitwazzjoni se tmur għall-aħjar fil-futur viċin”, dawn l-istudenti ma jistgħux jifhmu kif il-Fakultà ħadet din it-tip ta’ deċiżjoni fi żminijiet daqstant inċerti. “Hemm il-possibbiltà reali li student jimrad bil-virus bħalissa u li jxerrdu fost it-80 l-oħra li se jkunu qegħdin jagħmlu l-eżami fl-istess kamra u dan meta l-maġġoranza tagħhom mhux se jkunu ħadu l-booster qabel Jannar,” komplew jilmentaw dawn l-istudenti.

Huma qalu li bir-rifjut li jagħtu għażla prattika fir-rigward il-każijiet ta’ kwarantina,  aktar milli jagħmluhom f’Settembru, il-maġġoranza tal-istudenti se jippreferu jattendu għall-eżamijiet u dan anke jekk ikunu ma jifilħux. Jingħad li, “dan ovvjament se jikkontribwixxi fiż-żieda tal-każijiet tal-Covid-19. Esprimejna t-tħassib tagħna mal-Kap tad-Dipartiment u ma’ lecturers iżda t-talbiet tagħna waqgħu fuq widnejn torox”.

L-istudenti tal-Accounts tat-tieni sena allegaw li d-dipartiment iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu billi qal li jekk l-eżamijiet isiru online, dawn mhux se jingħataw il-warrant u dan meta l-eżamijiet, globalment, qegħdin isiru online. Huma, għaldaqstant ma jistgħux jifhmu għala l-każ tagħhom huwa differenti.

“Ma nifilħux iżjed b’dawn l-inġustizzji kollha u nuqqas ta’ stabbilità… bħallikieku l-fatt li din hija l-aħħar sena tagħna tal-kors, l-istress involut mhuwiex biżżejjed! Filli jgħidulna li l-eżamijiet se jsiru online mentri ftit wara jgħarrfuna li se jsiru fuq il-campus. L-istudenti jistħoqqilhom rispett,” temmu dawn l-istudenti universitarji.

Sport