Francis Trauger, li llum għandu 74 sena kien ilu żmien twil jiffaċċja akkużi marbutin ma’ allegati atti sesswali fuq tfal. L-eks qassis Kattoliku, ftit tal-jiem ilu ammetta li kien abbuża sesswalment minn żewġ abbatini f’Bucks County. Dan il-qassis kien iservi f’Philadelphia fl-Istati Uniti.
Wara li ammetta, l-Imħallef Jeffrey L. Finley ikkundannah għal b’36 xahar priġunerija. Trauger ma fetaħx ħalqu waqt li kienet qed tingħata s-sentenza, f’awla tista’ tgħid vojta għajr għal ftit persuni u xi ġurnalisti preżenti.
L-avukat tiegħu, Brian McVann qal li dak li wettaq Trauger ma jistax jiġi defendut u qal li Trauger kien kostrett li jammetti l-ħtija tiegħu u jieħu responsabbilità ta’ dak li ġara.
L-avukat tiegħu qal li “Francis Trauger għamel ħafna ġid f’ħajtu. Sfortunatament dan kollu intilef minħabba dan il-każ.”
Trauger kien serva fil-Knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu f’Tullytown bejn is-sena 1993 u s-sena 2003. Kien f’dan iż-żmien li seħħew l-abbużi. Kien hemm każ ukoll ta’ Michael McDonnell minn Bristol, fejn dan kien ġie mmolestat minn Trauger fis-sena 1981. Trauger kien tneħħa minn qassis fis-sena 2003.