Il-Ħadd li għadda l-gazzetta ‘Malta Today’ kellha sondaġġ ieħor. It-tieni wieħed għal din is-sena. Sondaġġ li minnu jirriżulta li issa l-Partit Laburista, jekk issir Elezzjoni Ġenerali għada jirbaħ b’maġġoranza ta’ madwar 24,000 vot. Maġġoranza li tirrifletti ftit aktar minn nofs il-maġġoranza li kien kiseb fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali, dik tas-sena 2022. Serħan il-moħħ għall-Partit Laburista? Jekk tistaqsi lili t-tweġiba tiegħi hija bla tlaqlieq: ŻGUR LI LE. U ngħidlek għaliex.
Lanqas biss irridu jgħaddili mill-garigori ta’ moħħi li hemm min fil-Partit Laburista li jinsab kuntent se jtir bir-riżultat ta’ dan is-sondaġġ. Sondaġġ huwa sondaġġ. Kien hemm okkażjonijiet fejn ir-riżultat aħħari rrifletta x-xejra tas-sondaġġi u kien hemm fejn le. Imma ejja għas-saħħa tal-argument nassumu li s-sondaġġ jirrifletti r-riżultat aħħari.
Tajjeb, il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali. Rebaħha b’maġġoranza ta’ 24,000 vot. U l-kumplament tal-maġġoranza li kellu fl-Elezzjoni Ġenerali preċedenti fejn marru? X’sar minnhom? U mill-voti l-ġodda x’akkwista?
Kif għidtlek f’okkażjonijiet oħrajn, trid tkun qed tgħix fuq pjaneta oħra differenti minn tagħna biex ma tirrikonoxxix il-ġid li ħolqu Gvernijiet Laburisti mis-sena 2013 ‘il hawn. Tnax-il sena li matulhom ma ġiet introdotta ebda taxxa ġdida. Anzi. Kien hemm tnaqqis ta’ taxxi. Tnax-il sena li matulhom il-kelma QAGĦAD sparixxiet. Tnax-il sena li matulhom ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiema u mhux il-ħaddiema jiġru wara x-xogħol. Tnax-il sena li matulhom il-pensjonijiet żdiedu kull sena. Il-benefiċċji soċjali titfixkel fihom. Ħemel ta’ miżuri introdotti kull budget. Dak li għadu kemm daħal fis-seħħ ftit tax-xhur ilu mhux eċċezzjoni. Tnax-il sena li matulhom is-sussidju fuq is-sorsi tal-enerġija ma waqaf qatt. Tgħid x’tgħid l-Unjoni Ewropea. U nista’ nibqa’ għaddej s’għada.
U allura kif se jkun spjegat il-fatt, x’inhi r-raġuni warajh li xorta se jkun hemm daqstant eluf li jżommu lura milli jmorru jivvutaw? Ma jfissirx li kollha huma voti Laburisti. Imma għaliex għandu jkun hemm 11% tal-votanti Laburisti fl-Elezzjoni Ġenerali tas-sena 2022 li sal-lum għadhom mhux lesti li jerġgħu jivvotaw Labour? Għaliex għandi nikkuntenta li rkuprajt lura 10%? Mela l-Partit Laburista kellu jinġieb f’sitwazzjoni fejn sa Frar li għadda 21% tal-votanti tiegħu indikawlu li mhux lesti jerġgħu jivvutawlu?
Ninsab konvint li t-tmexxija tal-Partit Laburista mhux lesta tikkuntenta b’tali sitwazzjoni. U jkun żball jekk tikkuntenta. Li tħossha sodisfatta li qed tirkupra minn dak li intilef tinżilli minn griżmejja, u bi tbatija, imma jibqa’ l-fatt li qed TIRKUPRA minn dak li QATT ma kellek titlef.
U r-raġuni għal dan? Ktibt diversi drabi dwar x’naħseb li qed iwassal għal telf ta’ voti Laburisti. Il-prepotenza u l-arroganza huma minn ta’ quddiem nett. Meta jasluli ċerti stejjer, ċerti kattiverji ma’ nies Laburisti ġġib għajnejk wara widnejk.
Nhar il-Ħadd li għadda waslitli imejl b’referenza għall-artiklu tiegħi f’din il-gazzetta ta’ dakinhar stess intitolat Ħolqien ta’ aktar Anton u Joe Attardijiet. Ma flaħtx inkompli naqraha mhux biss minħabba l-kontenut imma għax naf li hu u familtu dejjem ivvutaw Labour. X’vendikazzjoni! Xi ħdura! Temm il-qrara miegħi billi qalli li “kontra qalbi, imma din id-darba l-vot tiegħi u ta’ familti jibqgħu d-dar.”
Lest tlumu?