Ftit tal-jiem ilu kien ippubblikat it-tieni Sondaġġ, stħarriġ tal-opinjoni pubblika, imħejji mill-istatistiku Prof. Vincent Marmarà. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li 22% minn dawk intervistati wieġbu li ma jafux lil min se jivvutaw jekk issir elezzjoni ġenerali għada.
Mhux se nidħol fil-punt li bejn l-ewwel stħarriġ, li kien sar f’Ottubru li għadda, u dak ta’ ftit jiem ilu żdied id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. Mhux għax punt bħal dan ma jinteressanix, imma jinteressani aktar li żdied il-persentaġġ ta’ nies li ma jridux jivvutaw. Persentaġġ li f’temp ta’ tliet xhur żdied minn 15% għal kważi 22%.
Prof. Marmarà qal li “kważi wieħed jista’ jikkonsidra n-nies li ma jridux jivvutaw bħala sentiment b’saħħtu fost il-popolazzjoni. Din il-kategorija tal-poplu hija waħda b’saħħitha u kkonsolidat sew. Fost dawk in-nies li huma indeċiżi għandek ħafna minnhom li qegħdin josservaw x’se jiġri mill-partiti, x’se jipproponu u x’direzzjoni se jagħtu. Meta tasal elezzjoni ġenerali jkollok ħafna minnhom li jiddeċiedu dwar x’jagħmlu bil-vot tagħhom. Interessanti li wieħed jinnota li s’issa ħafna nies mhux qed jaqsmu minn partit għall-ieħor. Ħafna minn dawn in-nies mhux qegħdin jispirawhom iż-żewġ partiti, mhux qegħdin jaraw li qed ituhom id-direzzjoni jew mhux qed jilħqu l-aspetattivi tagħhom.”
Prof. Marmarà iżid jgħid li “għandek ħafna minn dawn in-nies li tilfu l-interess fil-politika, jew mhux iħossuhom ispirati mill-partiti. Dan kollu bħalissa qed isarraf f’nuqqas ta’ interess qawwi li dawn in-nies jassoċjaw lilhom infushom ma’ partit politiku.”
Mill-istħarriġ joħroġ ukoll li hemm nies li qed jgħidu li ma jridux jivvutaw. Prof. Marmarà ikun speċifiku u jgħid li “minn dawn, il-Partit Laburista għandu ferm aktar minnhom u b’hekk id-distakk bejn il-partiti naqas b’mod sostanzjali. Dawn bħalissa jippreferu jgħidu li mhux se jivvutaw milli jeqilbu l-vot tagħhom għall-Partit Nazzjonalista. Ħafna minnhom jew tilfu l-interess fil-politika, jew il-Partiti mhux jindirizzaw l-ħsibijiet u l-aspettattivi tagħhom. Fost dawn in-nies l-akbar inkwiet tagħhom huwa l-barranin u l-over-population tal-pajjiż, il-kostruzzjoni, it-traffiku u l-ambjent.”
Ninsabu f’nofs il-leġislatura u jirriżulta li għandek “faxxa kbira tal-elettorat, kważi wieħed minn kull erbgħa li qegħdin jgħidu li huma indeċiżi lil min se jivvutaw jekk issir elezzjoni għada.”
Qegħdin nirrealizzaw jew le li dan l-istħarriġ sar wara li kien tħabbar il-Budget għas-sena 2025? Qegħdin nirrealizzaw jew le li dan l-istħarriġ sar wara li diġà bdew jidħlu fis-seħħ miżuri tal-Budget 2025, miżuri ta’ benefiċċji kbar li jolqtu direttament il-but tal-poplu?Ifisser dan li minkejja l-benna tal-Budget 2025, u trid tkun ingrat biex ma tirrikonoxxix tali benna, għandek kważi wieħed minn kull erbgħa tal-votanti li jħossu li l-aspettattivi tagħhom xorta mhux qegħdin ikunu indirizzati. Aspettattivi li ssemmew.
Ċertament li l-Gvern jgħid li konxju minn dan it-tħassib u li qiegħed jaħdem fuqhom. Imma kif qed jaħdem fuqhom? Lill-poplu qiegħed ikun spjegat biżżejjed dak li qed isir? Jew il-Gvern spiċċa vittma ta’ min qed jiddetta l-aġenda tal-pajjiż? U l-Gvern kif qed iwieġeb għal tali aġenda? Qed isir biżżejjed min-naħa tal-Gvern biex l-attenzjoni tal-poplu ma tkunx żvijjata minn tattiċi ta’ aljenazzjoni? Il-Gvern għaliex qiegħed iħalli lilu nnifsu jitpoġġa fuq id-difiża? II-poplu qiegħed ikun aġġornat biżżejjed dwar dak li qed isir biex l-oqsma ta’ tħassib ikunu kumbattuti? Aġġornar ta’ din ix-xorta għandu jkun regolari. Jekk dan ma jsirx tkun qed tilgħab f’idejn min qed jaljijna lill-poplu. F’idejn min irid inessi kemm jista’ jkun dan it-tant tajjeb. F’idejn min irid jagħti l-impressjoni li d-dinja bdiet minn Marzu 2013, għax b’hekk biss jista’ jipprova jnessi x’ħalla warajh u x’sab min daħal fl-2013. Huwa dmir il-Partit Laburista li jfakkar kontinwament x’wiret f’Marzu 2013. F’kull qasam tal-ħajja. X’sab dakinhar u fejn wasal illum.
Il-Gvern qiegħed jirrealizza li finalment il-benefiċċji finanzjarji ma jfissrux li kollox jibda minnhom u jispiċċa fihom? Li l-flus mhux kollox? Li l-flus ma jagħmxux lil kulħadd?
Fuq livell ta’ partit, il-Partit Laburista qiegħed jara għala mhux qed jirnexxielu jirkupra biżżejjed nies tiegħu li sfaw urtati għal xi ħaġa jew oħra?
Jekk tistaqsi lili din il-mistoqsija, it-tweġiba tiegħi hija ċara daqs il-kristall: Le, il-Partit Laburista mhux qed jaħdem biżżejjed f’dan ir-rigward. Li ma kienx hekk kieku r-riżultat tas-Sondaġġ kien ikun mod ieħor.