Tuesday, May 14, 2024

Wasal fl-aħħar fażi l-proġett ta’ restawr tal-Kunvent ta’ Santu Wistin

Aqra wkoll

Qiegħed joqrob lejn tmiemu x-xogħol fuq il-proġett ta’ restawr tal-kunvent ta’ Santu Wistin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett żar it-tielet u l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett.

Il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina (FSKAA) qiegħda tmexxi x-xogħlijiet fuq dan il-proġett b’investiment ta’ €2.3 miljun li minnhom €1.5 miljun huma fondi Ewropej mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali.

Ix-xogħlijiet illi saru jinkludu r-restawr u l-konservazzjoni tal-erba’ faċċati tal-kunvent, it-tħaffir arkeoloġiku ta’ parti mill-bitħa u l-installazzjoni ta’ lift li jkun aċċessibbli għal kulħadd. Permezz ta’ dan il-proġett, ġiet irriġenerata binja estensiva li kienet ilha biex tiġi rrestawrata b’mod sinifikanti minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija, li matulha ġġarrfu partijiet sostanzjali. Grazzi għax-xogħlijiet infrastrutturali parti minn din il-binja se tinbidel f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li, “Bis-saħħa tal-fondi Ewropej, qegħdin inkomplu nikkonservaw il-wirt kulturali ta’ pajjiżna permezz tar-restawr ta’ dawn is-siti storiċi. Dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ il-wirt storiku tal-Belt Kapitali u jtejjeb l-ambjent kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-Beltin u l-prodott turistiku. Bil-pakkett ta’ fondi Ewropej 2021-2027 se nkunu qegħdin nistiednu aktar għaqdiet u assoċjazzjonijiet biex japplikaw u jagħmlu użu minn dawn il-fondi sabiex iwettqu proġetti li jkomplu jsaħħu l-wirt kulturali u storiku ta’ pajjiżna.”

Il-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin Fr Alexander Cauchi qal li dan huwa proġett li tibbenefika minnu il-komunità kollha. Huwa sostna li dan il-proġett ikompli jsaħħaħ l-investiment fir-riġenerazzjoni soċjali u turistika-kulturali tal-Marsamxett u ’l madwar. Fr Cauchi qal li dawn il-fondi huma kruċjali għax mingħajrhom ma kienx ikun possibbli investiment ta’ dan il-livell.

Il-Provinċjal Fr Leslie Gatt tenna li, “Bħala provinċja, f’dawn l-aħħar snin impenjajna ruħna sabiex inħarsu l-patrimonju li ġie mgħoddi lilna tul is-snin minn dawk kollha li għexu qabilna, u ta’ kull forma ta’ arti, minn mużika sa pitturi u arkitettura. L-iskop li l-ispazji tagħna jkunu miftuħin huwa dejjem bl-għan li nilħqu aħjar il-komunità u ngħinuha tikber b’mod ħolistiku.”

Sport