Sunday, December 22, 2024

WASAL IŻ-ŻMIEN GĦALL-UŻU TAL-ĦĠIEĠ FLOK IL-PLASTIK?

Aqra wkoll

Ħafna pajjiżi, inklużi dawk tal-kontinent Ewropew fl-aħħar fehmu kemm il-materjal tal-plastik jagħmel ħsara lill-ambjent naturali. Fl-aħħar fehmu wkoll il-ħtieġa li jieħdu azzjoni urġenti biex itaffu mill-problema kbira tat-tniġġiż li jikkaġuna l-iskart tal-plastik, anki jekk quddiemhom se jsibu r-reżistenza tal-industrija li tgħix u tagħmel il-qligħ mill-prodotti tal-plastik.

Snin ilu, il-plastik ħa post il-ħġieġ u minn dakinhar, l-umanità, kif jgħidu, qabżet minn ġot-taġen għal ġon-nar. Dakinhar ukoll, forsi għax il-plastik huwa orħos mill-ħġieġ, l-umanita ma indunatx illi maż-żmien kien se jkollha tħabbat wiccha ma’ sitwazzjonijiet li mhux biss għarrqu il-ħajja tal-ibħra, l-oċeani u x-xmajjar imma wkoll li laqtu ħażin is-saħħa u l-ħajja tan-nies.

Illum, minkejja li kiber l-għarfien ambjentali u anki minkejja r-restrizzjonijiet, sfortunatament il-plastik li jintuża darba biss għadu magħna u għadu jintuża daqs qatt qabel fejn ħafna drabi dan jintrema fil-baħar b’detriment għal ħajja ta’ tant speċi mhix l-inqas għall-ħajja u s-saħħa tan-nies. Dan huwa kkonfermat minn studju li sar mill-World Wide Fund għan-Natura li sab li persuna waħda tikkonsma medja ta’ 1,769 partiċelli ċkejkna tal-plastik u fibri kull ġimgħa mill-ilma tax-xorb biss.

Anki jekk il-plastik għen l-avvanz industrijali, ma kellniex iżda biżżejjed għarfien biex imbassru l-impatt negattiv fuq l-ambjent iktar u iktar għaliex il-plastik hu magħmul minn materjal sintetiku li m’huwiex naturali u jieħu mijiet ta’ snin biex jintemm waħdu.

Skont esperti xjentifiċi, madwar 8 miljun tunnellata metrika ta’ skart tal-plastik jintefa’ fl-oċean kull sena. U minkejja l-isforzi attwali ta’ riċiklaġġ u konservazzjoni, l-ammont ta’ plastik fl-oċeani żdied b’10 darbiet sal-2020 u sas-sena 2050 huwa maħsub li fl-oċeani se jkun hemm aktar skart tal-plastik milli ħut.

F’dan il-kuntest ta’ tniġġiż mill-plastik, forsi bħala popli dinjin irridu nħarsu ferm bogħod mis-sostituti sintetiċi u alternattivi kemmxejn differenti. Nemmnu għalhekk li hemm soluzzjonijiet ta’ ppakkjar ħafna aktar sostenibbli. Waħda minn dawn is-soluzzjonijiet hi li l-industrija tax-xorb terġa tmur lura għall-użu tal-flixken tal-ħġieġ li jintużaw iktar minn darba. Wara kollox, fl-imgħoddi hekk kien isir u ma kinitx teżisti l-problema tat-tniġġiż mill-plastik.

Minbarra hekk jista’ jiġi kkunsdirat ukoll l-użu tal-aluminju li huwa mija fil-mija riċiklabbli u jista’ jiġi riċiklat kważi b’mod indefinit mingħajr telf ta’ kwalità jew durabilità. Apparti hekk, l-użu tal-aluminju riċiklat fil-manifattura jutilizza 95% inqas enerġija mill-ħolqien tal-aluminju minn materja prima.

Issa huwa ż-żmien biex id-dinja tieħdu l-problema bl-ikbar serjetà u urġenza filwaqt li l-politiċi jridu jammettu u jirrikonoxxu li l-qalba mill-ħġieġ għall-plastik falliet u m’għadhiex sostenibbli.

Wasal ukoll iż-żmien li l-kumpaniji li jipproduċu jew jagħmlu użu mill-plastik jgħarfu li jkunu qed jonqsu lill-umanità jekk jibqgħu jagħżlu l-profitti milli s-saħħa tan-nies u l-eżisteenza tal-pjaneta li ngħixu fuqha.

Ekonomija

Sport