Sunday, December 22, 2024

“Wasal iż-żmien li jkollna l-pjan ta’ ftuħ tal-iskejjel”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-GWU mħassba għax għad m’hemmx informazzjoni

Wasalna lejn l-aħħar t’Awwissu u fi ftit ġimgħat oħra mistennija tibda sena skolastika ġdida. Fid-dawl ta’ dan u għall-fatt li l-pandemija tal-Covid-19 għadha magħna, ħafna qegħdin jistaqsu x’se jiġri fir-rigward. Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) saħqet li ż-żmien qiegħed jgħaddi ġmielu u issa li deħlin f’Settembru importanti li l-awtoritajiet iħabbru l-pjan ta’ ftuħ tal-iskejjel f’Malta. 

Ir-rappreżentant ta’ din is-sezzjoni fil-GWU Gabriel Pullicino, qal lil dan is-sit li m’hemm ebda informazzjoni dwar kif u eżattament meta se jiftħu l-iskejjel. Huwa saħaq li m’għadx fadal ħin x’jinħela ħalli kemm l-istudenti, il-ġenituri tagħhom, kif ukoll l-edukaturi jippreparaw ruħhom kif meħtieġ u fl-istess ħin jirritornaw fil-binja tal-istituzzjonijiet edukattivi b’mod sigur u organizzat kif suppost. 

Pullicino min-naħa tiegħu staqsa x’inhuma l-preparamenti li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed jagħmel vis-a-vis il-Covid-19. Huwa fakkar kif is-sena l-oħra l-istudenti kellhom jirritornaw l-iskola ġimgħa wara minħabba li l-affarijiet ma tlestewx fil-ħin u li parti sostanzjali ta’ studenti kellhom jibqgħu għaddejjin bil-lezzjonijiet online. 

“Importanti li kull miżuri li se jittieħdu nżommu f’moħħna l-ġid tat-tfal u l-familji tagħhom… u niggarantixxu l-aqwa ambjent lill-edukaturi”

Gabriel Pullicino

“Dan m’huwiex xenarju ideali. Nafu li l-aħjar edukazzjoni għat-tfal hija dik li tingħata fil-klassijiet. Wasal iż-żmien li nkunu nafu x’inhu l-pjan ta’ ftuħ kemm bħala protokolli, kif ukoll jekk il-lezzjonijiet humiex se jkunu online jew le,” sostna r-rappreżentant tas-sezzjoni. 

Gabriel Pullicino qal li l-ftuħ tal-iskejjel b’mod fiżiku huwa importanti ħafna għal uliedna u għaldaqstant bħala Union li daħlet fis-settur qegħdin jaraw li kemm l-istudenti, kif ukoll l-għalliema jingħataw ambjent sigur biex it-tfal ikomplu bl-aħjar mod il-vjaġġ edukattiv tagħhom u l-edukaturi jkunu jistgħu jirritornaw għax-xogħol fuq ħidmiethom. 

Huwa qal li minn diversi studji marbuta mat-tagħlim virtwali juru li jista’ jkun hemm impatt negattiv fuq xi studenti li għandhom sitwazzjonijiet soċjali li huma diffiċli u f’dan ir-rigward jistaqsi x’se jkun qiegħed isir biex jiġu indirizzati dawn il-problemi fost l-istudenti tagħna.

“Fuq kollox, huwa importanti li kull miżuri li se jittieħdu nżommu f’moħħna l-ġid tat-tfal u l-familji tagħhom filwaqt li fl-istess ħin niggarantixxu l-aqwa ambjent lill-edukaturi tagħna,” temm Gabriel Pullicino.

Ekonomija

Sport