L-eks Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche, li llum hu kunsillier indipendenti, ikkummenta dwar id-deċiżjoni li Manoel Island ingħatat lura lill-pubbliku u ddikjara li “ssa la wasalna s’hawn wasal iż-żmien li naraw lill-Parlament Malti jagħmel dak li għandu jsir, riżoluzzjoni waħda b’saħħitha, liġi ċara li temenda l-pjani lokali biex dak li ġie akkwistat mill-poplu ma jkun jista’ jbiddlu ħadd”.
Meta ikkummenta qal li “Manoel Island kienet nista ngħid l-ikbar kawża li ħadt gost niġġieled u fuq kollox kwistjoni li taghtni l-akbar sodisfazzjon li nibqa nġorr ħajti kollha. Ftit inqas minn 10 snin ilu eżattament 5ta’ Settembru 2016 bdejna flimkien mal-poplu biex nibdew din il-mixja li wasslet biex illum din il-Gżira ingħatat lura lil poplu.
Niftakar li tant kienet għal qalbi din il-kwistjoni li kont nobgħod meta jasal il-lejl, u nistenna bil-ħerqa biex ifittex jisbaħ biex inkompli naħdem qatieħ ħalli din l-art titgawda mill-poplu kollu.”
Ikompli jgħid li “l-għan tiegħi kien dejjem wieħed li Manoel Island titgawda minna l-poplu. Wieħed mill isbah postijiet li għandna f’pajjiżna bi storja kbira li jista jservi bħala post miftuħ għal kulħadd. F’din il-geġwiġija li hawn f’l-inħawi tagħna huwa l-uniku post li jista jkun ta’ mistrieħ, għal familji u għat-tfal tagħna.”
Jisħaq li “fil-verità, għal ħafna minna, Manoel Island kienet il-park tat-tfulija tagħna. Hemm lgħabna, hemm skoprejna, hemm konna ngħumu, u hemm qattajna wħud mill-isbaħ mumenti ta’ tfulitna. Għalija qatt ma kienet biss biċċa art iżda gżira bi storja kbira parti mill-identità tagħna u tal-memorji tagħna. Issa la wasalna s’hawn wasal iż-żmien li naraw lill-Parlament Malti jagħmel dak li għandu jsir, riżoluzzjoni waħda b’saħħitha, liġi ċara li temenda l-pjani lokali biex dak li ġie akkwistat mill-poplu ma jkun jista’ jbiddlu ħadd. U dak li hu tal-poplu jibqa tal-poplu għal dejjem.”
Itemm jgħid li “l-akbar tagħlima li tagħllimt f’dawn l-10 snin fil-politika hija “Verba volant, scripta manent” jigifieri il-paroli itir mar-riħ u dak miktub jibqa miktub għal-dejjem. U issa rridu nassiguraw li dak li nkiseb issa ma jintilef qatt.”

