Wednesday, October 2, 2024

“Wasal iż-żmien li nerġgħu nqisu jekk is-sistema preżenti tal-ġurijiet hix taqdi verament il-ħtiġijiet ta’ żmienna”

- Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti

Aqra wkoll

“Jiena tal-ħsieb li wasal iż-żmien li nerġgħu nqisu jekk is-sistema preżenti tal-ġurijiet hix taqdi verament il-ħtiġijiet ta’ żmienna u jekk għandux ikun hemm tibdil radikali fis-sistema sħiħa dwar liema reati għandhom isiru bis-sistema tal-ġuri u oħrajn li jinstemgħu minn ġudikant biss.”

Qal dan il-Prim Imħallef Mark Chetcuti f’diskors li għamel fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi fejn qal li hemm ‘il fuq minn 150 ġuri pendenti li jekk tqassamhom f’medja ta’ ġimgħa bħala tul ta’ żmien għal kull ġuri u bl-użu biss ta’ żewġ awli malajr tasal għall-konklużjoni li biż-żieda tal-ġurijiet, id-dewmien biex jintemmu se jkomplu jiżdied.

Il-Prim Imħallef tenna li wieħed ma jridx jinsa wkoll li dawn l-istess Imħallfin ikunu jridu jisimgħu u jiddeċiedu l-appelli inferjuri li jiġu quddiemhom u u jismgħu u jiddeċiedu wkoll appelli superjuri fejn il-Qorti tkun komposta minn tliet Imħallfin. 

Dwar il-Qorti tal-Maġistrati, il-Prim Imħallef innota kif kienet inħarġet sejħa biex jiġu appuntati erba’ Maġistrati ġodda biex huwa jkollu mnejn jassenja l-inkjesti frott tat-tibdil. Fil-fatt dan l-iżvilupp seħħ u minn Frar li għadda bdew jiġu trasferiti l-inkjesti l-antiki ftit ftit lil dawn il-Maġistrati u fl-1 t’April bdew jieħdu l-inkjesti kollha ġodda. 

Huwa qal li għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat l-impatt li din is-sistema se jkollha. “Hemm mal-1,700 injesta pendenti. M’għandix dubju li frott il-ħidma speċjalizzata ta’ dawn il-Maġistrati, in-numru se jonqos.”

Madankollu, kompla jgħid il-Prim Imħallef, minkejja li kważi għaddiet sena, dawn il-Maġistrati li suppost kien se jkollhom spazju xieraq, anzi binja, bi staff permanenti assenjat lilhom biex jaqdu dmirijiethom aħjar u bl-akbar effiċjenza possibbli, dan għadu ma seħħx. Kien għalhekk li ħeġġeġ lill-amministrazzjoni u l-Ministru tal-Ġustizzja sabiex tinstab soluzzjoni malajr ħalli l-Maġistratura inkwerenti tkun tista’ taqdi dmirijietha b’effiċjenza.

Intant, il-Prim Imħallef talab ukoll lill-Ministru tal-Ġustizzja bl-adeżjoni tal-Parlament sabiex issir emenda fil-Kostituzzjoni sabiex l-appelli kostituzzjonali jkunu jistgħu jinqasmu  fuq it-tliet sezzjonijiet tal-appell kif isir bl-appelli ċivili u kummerċjali.

Tkellem ukoll dwar il-Qorti tal-Kummerċ u qal li jinsab infurmat li qed jittieħdu miżuri mill-Gvern biex din il-Qorti tkun mgħammra f’sit għaliha u b’amministrazzjoni speċifika għaliha b’dak kollu li jixraq għal stat fl-Unjoni Ewropea fejn il-kummerċ u għalhekk Qorti tal-Kummerċ effiċjenti u speċjalizzata tkun ta’ spalla għall-ekonomija tal-pajjiż. 

Huwa sostna wkoll li hemm bżonn ta’ emendi proċedurali, fosthom dawk marbuta man-notifika tal-atti ġudizzjarji “fejn għandna nibdew naċċettaw notifika permezz ta’ emails u b’aktar involviment dirett tal-avukati u prokuraturi legali, u emendi dwar kif għandhom jitressqu eċċezzjonijiet anke fi stadju tal-appell.”

Dwar il-Qorti Ċivili, il-Prim Imħallef qal li s-sena li għaddiet kien aċċenna għal vertenzi speċjalizzati li jsiru quddiem is-Sessjoni Volontarja tal-Qorti Ċivili jew kif kienet magħrufa s-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili. Qal li bħalissa hemm tliet Imħallfin fost l-Imħallfin tal-Prim Awla li fuqhom qed jinqasam dan ix-xogħol, liema xogħol hu b’żieda mal-assenjazzjonijiet tagħhom.

“Nixpruna lill-Ministru sabiex idaħħal l-emendi neċessarji sabiex dawn il-kwistjonijiet sensittivi u delikati bħal adozzjonijiet, suċċessjonijiet, kuraziji u oħrajn, jibdew isiru minn Imħallfin irtirati li għadhom lesti jikkontribwixxu l-ħila u l-għerf tagħhom imma ma setgħux ikomplu minħabba li l-eta’ tal-irtirar hi ta’ 68 sena. Dan ikompli jtaffi mill-pressjoni fuq l-Imħallfin tal-Qrati Ċivili,” tenna l-Prim Imħallef. 

Huwa stqarr ukoll li t-tneħħija tal-Inkjesti mill-Maġistratura ordinarja għenet sabiex jittaffa ftit mill-piż enormi ta’ influss ta’ kawżi li jiġu preżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrat kemm jekk huma tad-distrett, tal-għassa, kawżi fil-bordijiet, kawżi ċivili u amministrazzjoni, kumpilazzjonijiet u kawżi kriminali speċjali. 

Spjega li ż-żieda kbira fin-numru hi riflessa fiż-żieda kbira fil-popolazzjoni li b’konsegwenza ġġib magħha influss akbar ta’ kawżi ta’ kull tip. Irrimarka li l-kawżi tad-distrett u tat-traffiku ma għadhomx dawk il-kwistjonijiet sempliċi tal-imgħoddi, li jiġu deċiżi fi ftit minuti f’seduta waħda. 

L-Imħallef Chetcuti qal li kuntrarjament għall-impressjoni li tingħata, il-Maġistratura tmexxi b’effiċjenza l-volum ta’ xogħol assenjat u li ċerti assenjazzjonijiet ta’ doveri żdiedu ħafna fil-volum. Semma’ l-kawżi tat-traffiku, li f’sena daħlu mal- 1,800 kawża li jinstemgħu quddiem Maġistrat wieħed. Semma’ ukoll il-kawżi ta’ vjolenza domestika li jinqasmu f’dawk sommarji u oħrajn li huma kumpilazzjonijiet.

Saħaq li avolja dan ix-xogħol illum hu maqsum fuq tliet Maġistrati bi tnejn minnhom jagħmlu kawżi ta’ din in-natura biss u avolja jinqatgħu ħafna aktar kawżi milli jidħlu, il-volum u s-serjeta tal-akkużi jagħmluha diffiċli li dan ix-xogħol isir fi żmien raġonevoli.

Huwa għamel referenza għall-kawżi sommarji tal-vjolenza domestika, fejn spjega li bħalissa hemm mal-2,000 kawża f’dan ir-rigward. Qal ukoll li fis-sena jidħlu mal-1,000 kawża ġdida. Għamel referenza wkoll għall-kumpilazzjonijiet inġenerali, li bħalissa dawk pendenti jammontaw għal 2,700. 

Dwar l-abbozz dwar it-tibdil fil-liġi mal-kumpilazzjonijiet, l-Imħallef qal; “Nittama li ma ndumux ma nisimgħu li ġie ppubblikat l-abbozz dwar it-tibdil fil-liġi in konnesjoni mal-kumpilazzjonijiet, emendi bżonnjużi biex tiġi simplifikata l-proċedura b’termini preċiżi tal-għeluq tal-proċess dejjem b’ħarsien sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem”.

Saħaq li laqa’ bil-ferħ s-sejħa tal-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, dik li l-Maġistratura jkollha ‘court attorneys’ assenjati ma’ kull Maġistrat. Żied jgħid li dan huwa pass importanti mhux biss għad-dehra prattika ta’ ugwaljanza fid-doveri u l-eżekuzzjoni tagħhom bejn l-Imħallfin u l-Maġistrati iżda hi ta’ għajnuna kbira għal Maġistrat li jkollu avukat addett miegħu ‘full time’ biex jgħinu fir-riċerka u abbozzar ta’ sentenzi fost oħrajn. 

Dwar il-Qorti tal-Familja, Dr Chetcuti qal li quddiem kull ġudikant jidħlu mal-250 kawża kull sena, mas-600 medjazzjoni u 300 kuntratti ġodda kull sena. Ma’ dawn trid iżżid ir-rikorsi ġenerali, dawk ‘pendente lite’ u ammont kbir ta’ rikorsi fil-medjazzjoni. L-istatistika turi li minkejja dan il-volum, il-ġudikanti preżenti qed jagħmlu ħilithom biex ilaħħqu  miegħu. Imma stqarr li hemm lok għal titjib aktar fil-liġi tal-familja. 

“Bħal kull ħaġa oħra jrid ikun hemm mhux biss interventi leġislattivi f’waqthom u naf li bħalissa għaddejja konsultazzjoni wiesgħa fuq emendi għal liġi tal-familja, iżda hu importanti wkoll direzzjoni ċara mill-Qorti tal-Familja kolleġjali fuq vertenzi partikolari li jiġu quddiem il-Qorti tal-Familja kemm dak proċedurali kif ukoll sostantiv. Dan jgħin għaċ-ċertezza tad-dritt kif ukoll bħala riga għal medjaturi, esperti u professjonisti mqabbda mill-Qorti tal-Familja biex jgħinu fis-soluzzjoni tal-kwistjonijiet relatati mal-Qorti tal-Familja.”

Fl-aħħar nett, huwa tkellem dwar il-Qorti t’Għawdex u qal li hemm bżonn ta’ intervent deċiżiv mill-amministrazzjoni tal-Qrati bl-appoġġ tal-Ministru ta’ Għawdex u tal-Ġustizzja biex il-Qorti t’Għawdex tkun tista’ tiffunzjona kif għandu jkun u kif jixraq. “L-Istat irid jassigura li l-Qorti t’Għawdex ikun lok sigur u komdu għal min jaħdem fiha jew jiffrekwentaha. Għalhekk nerġa’ nħeġġeġ lill-Gvern jieħu ħsieb jagħlaq il-kwistjoni darba għal dejjem dwar il-bini ġdid tal-Qorti t’Għawdex.”

“Il-pressjoni fuq il-Qrati u l-amministrazzjoni qiegħda hemm” – il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech qal li l-istatistika turi li aktar nies qegħdin dejjem aktar jirrikorru lejn il-Qorti għall-kjarifika ta’ disputi, jew jitressqu fl-implimentazzjoni tal-ħaqq u l-ġustizzja. 

Dr Fenech qal li l-pressjoni fuq il-Qrati u l-amministrazzjoni qiegħda hemm, u jinqatgħu kemm jinqatgħu kawżi, jidħlu daqshom ġodda jekk mhux aktar. Qal li l-inkjesti, dawk ta’ interess pubbliku biex jiddistingwi minn oħrajn, qed ikomplu jżidu max-xogħol diġà qawwi fuqhom.

Għalhekk sostna li huwa importanti li lkoll jagħtu sehemhom biex jikkordinaw il-ħidma tagħhom ilkoll – il-ħidma bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-Ġudikatura, l-amministrazzjoni u l-Kamra tal-Avukati. 

Dwar il-ġudikatura, il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li wasal iż-żmien li jitkabbru l-uffiċċji ta’ kull ġudikant. “Nemmen li m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn Superjuri u Inferjuri fl-uffiċċji tagħkom.”

Min-naħa l-oħra huwa laqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Maġistrati llum fit-team tagħhom qed jiżdied, u se jiżdied, magħhom, Court Attorney. Huwa iżda qal li l-Kamra temmen li din iż-żieda waħedha, minkejja li bla dubju hi pożittiva, mhix biżżejed.

Dr Fenech tkellem ukoll dwar id-dixxiplina kemm mil-lat ta’ ġudikatura kif ukoll mil-lat ta’ Avukatura. Qal li l-Kamra tal-Avukati tinsisti li f’din is-sena li bdejna titwaqqaf proċedura, indipendenti mill-ġudikatura, li twassal biex ikunu jistgħu jitressqu lmenti li jekk prima facie jimmeritaw aktar indaġni, jiġu kkunsidrati.

“Jiena dejjem ngħid, li d-dixxiplina, tbeżża biss lil min ma jerfax ir-responsabbiltà tiegħu. Sur Prim Imħallef min jaħdem sewwa, proċedura simili ssaħħu u mhux ittelfu,” qal il-President tal-Kamra tal-Avukati. 

Dwar l-Att li jirregola l-professjoni legali, il-Lawyers Act, Dr Fenech innota illi għalkemm hemm rieda tajba tal-partijiet konċernati, sal-lum għadhom ma waslux. Tenna li dan l-Att huwa meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-professjoni.

Preżenti fil-Qorti għall-ftuħ tas-Sena Forensi kien hemm ukoll il-President Myriam Spiteri Debono, il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia. 

L-IĠM jinnota b’dispjaċir li fotografi u camerapersons mill-midja lokali ma tħallewx jidħlu l-Qorti għall-ftuħ tas-Sena Forensi

Sadanittant, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) innota b’dispjaċir li għall-ftuħ tas-Sena Forensi, ma tħallewx jidħlu l-fotografi u l-camerapersons impjegati mal-midja. Tħallew jidħlu biss il-fotografi tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-fotografu tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-fotografu tal-Uffiċċju tal-Presidenti. Intqal li wara li talab spjegazzjoni mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, l-IĠM kien infurmat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Prim Imħallef. 

L-IĠM qal li jħoss li dan l-aġir imur kontra l-ispirtu tal-Kostituzzjoni li tipproteġi d-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Qal li fil-passat, it-tradizzjoni dejjem kienet li l-fotografi u l-camerapersons jitħallew jidħlu u jieħdu r-ritratti u l-filmati ta’ din l-okkażjoni unika mmarkata mid-diskors tal-Prim Imħallef. “Sfortunatament, il-Prim Imħallef, din is-sena, għażel li jreġġa’ l-arloġġ lura,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-IĠM.

Il-Prim Imħallef jibgħat apoloġija… “dak li seħħ kien frott ta’ żball ġenwin”

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ waranofsinhar, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti bagħat apoloġija wara li l-camerapersons u l-fotografi ta’ djar tal-midja lokali, fosthom ta’ dan il-ġurnal, ma tħallewx jidħlu fl-awla fejn saret is-seduta inawgurali tal-ftuħ tas-Sena Forensi 2024-2025. Intqal li dak li seħħ kien frott ta’ żball ġenwin.

Fl-istqarrija żied jintqal li jidher li kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni, liema nuqqas wassal għal dak li seħħ u żgur ma kinitx l-intenzjoni tal-Prim Imħallef li jkun hemm tali projbizzjoni. Intqal li fl-ebda sena, kemm ilu Prim Imħallef, ma saret xi projbizzjoni biex id-djar tal-midja lokali jattendu għas-seduta u jieħdu ritratti jew filmati tas-seduta.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport