Saturday, November 23, 2024

“Wasal iż-żmien li niftħu aktar l-ekonomija, u biex in-nies jirritornw lura fuq il-post tax-xogħol”

Aqra wkoll

“Wasal iż-żmien li niftħu l-ekonomija aktar, u biex in-nies jirritornw lura fuq il-post tax-xogħol tagħhom b’mod sigur u responsabbli.” Qal dan il-President tal-Kamra tal-Kummerċ il-Perit David Xuereb, hekk kif saħaq li messaġġi differenti qed jirriżultaw f’konfużjoni.

Xuereb tenna li t-tliet prinċipji li għandhom jiġu kkunsidrati fit-teħid tad-deċiżjonijiet huma s-saħħa fiżika, dik ekonomika u dik mentali. Saħaq li l-Kamra tal-Kummerċ hija favur it-tisħiħ ta’ dawn it-tliet fatturi, u qal li wieħed ma jistax iqis biss is-saħħa ekonomika tal-pajjiż.

Fl-istess waqt tenna li mhuwiex realistiku li Malta tipprova tilħaq it-tragward tal-ebda każ ta’ Covid-19 fil-pajjiż mingħajt ma jkun hawn disponibbli vaċċin.

“Jeħtieġ li nieqfu niffokaw fuq li neħilsu mill-virus fl-iqsar żmien possibbli, u nikkunsidraw li jeħtieġ nitgħallmu ngħixu bil-Covid-19,” tenna Xuereb.

Tenna li fir-realtà tas-sitwazzjoni attwali, wasal iż-żmien biex in-negożji u l-ekonomija jerġgħu jiftħu, filwaqt li tingħata importanza għall-preparamenti biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-impjegati.

“M’għandniex niftħu akkost ta’ kollox. Il-fiduċja fl-ekonomija għada terġa’ tiġi tinkiseb b’mod responsabbli u li jirrispetta l-istandards tas-sigurtà,” saħaq Xuereb.

Huwa tenna wkoll li l-awtoritajiet għandhom jikkomunikaw b’mod ċar u malajr  l-assessjar tar-riskji li min iħaddem għandu jwettaq qabel ma jerġa’ jintroduċi mill-ġdid il-ħaddiema tagħhom fil-post tax-xogħol.

Sport