Fil-Parlament, it-Tlieta, kompliet id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni. Fid-diskors tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li l-bini u l-kostruzzjoni huma setturi li rridu naffronawhom b’mod bilanċjat u b’sens ta’ maturità.
Filwaqt li rrikonoxxiet li ħafna mill-ilmenti u l-kritika tan-nies dwar il-bini u l-kostruzzjoni hi ġustifikata, hija qalet li “nħoss li l-ammont ta’ inġenji, ta’ żvilupp, twaqqigħ u tħaffir ħoloq fil-poplu tagħna sens ta’ frustrazzjoni. Irridu nifhmu li huwa impossibli għal dak li jkun jgħix fl-istorbju u l-inkonvenjent kontinwu.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg kompliet tgħid li bl-ebda mod mhi qieħda timplika jew tissuġġerixxi li l-kostruzzjoni għandha tieqaf. “Ma naqbel xejn ma’ min b’mod partiġġjan joqgħod jagħti l-impressjoni li xi gvern jista’ jqum filgħodu jaqta’ linja u jgħid daqshekk bini. Il-kostruzzjoni hi waħda mill-industriji kruċjali f’pajjiżna, li tinvesti fil-ħaddiema, tinċentiva x-xogħol u minnha jiddependu setturi oħra.”
Hija tkellmet ukoll dwar il-lokalità tal-Gżira u qalet li bħal lokalitajiet oħra din għandha l-isfidi tagħha. Hawn qalet li mhix komda li prattikament f’kull triq, fuq kull bankina fil-Gżira tara krejnijiet scaffoldings u anke trabijiet.
Qalet li ma tistax taċċetta li koppja anzjana jkollha timxi f’nofs ta’ triq bil-karozzi għaddejjin magħha biex taqdi l-bżonnijiet tagħna ta’ kuljum. Kif qalet li ma tistax taċċetta lanqas li koppja żagħżugħa bil-pushchair trid kważi tagħmel dak li sejħitlu bħala “obstacle course” biex tagħmel passiġġata.
“Jien stess għext din l-esperjenza. Kien hemm drabi fejn ma stajx noħroġ mit-triq tiegħi minħabba li kien hemm ħafna proġetti għaddejjin fl-istess konsegwenzi li ġiet imblukkata ż-żona.”
“Nifhem li hemm żviluppi li huma ta’ familji li qed iwaqqgħu djarhom u qed inħallu investiment għal uliedhom. Allura nwaqqfuhom? Żgur li le. Ħafna mil-bini jsir ukoll skont il-permessi maħruġa mill-awtoritajiet konċernati,” kompliet tgħid is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Tenniet iżda li f’dan il-parlament u lil hinn minnu irridu nisimgħu, naħsbu u nieħdu d-deċiżjonijiet, għax “xi ħaġa trid issir”. Esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha li mexjin f’din id-direzzjoni, fost oħrajn bit-twaqqif tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni biex għall-ewwel darba f’pajiżna għandna entità direttament responsabbli mill-ħarsien ta’ dan il-qasam.
Fejn hemm nuqqasijiet nindirizzawhom – Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard
“Aħna Gvern pro-attiv li qed naraw li fejn kien hemm nuqqasijiet evidenti li kien hemm fis-sistema nindirizzawhom,” hekk sostna l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt li kien qed li kien qed jindirizza l-Parlament fid-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni.
Il-Ministru qal li kif qed jiżvolġi d-diskussjoni jibqa’ skantat meta jkun hemm konsultazzjoni pubblika u l-oppożizzjoni tibqa’ gallarija. Kien hawn li staqsa x’inhi l-vera intenzjoni tal-Oppożizzjoni?
Sostna li l-Gvern għandu rispett lejn il-ġudikatura. Il-Ministru Attard qal li l-fatt li l-Gvern jappella għall-effiċjenza mill-maġistrat inkwerenti mhux attakk fuq l-indipendenza tal-ġudikatura.
Kulħadd għandu josserva l-liġijiet imposti – Id-Deputat Laburista Ray Abela
Waqt li kien qed jindirizza l-kamra tad-Deputati, l-Onor. Ray Abela qal li fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-bini hemm jaħdmu aktar minn 20,000 ħaddiem.
Sostna li aktar kemm l-industrija tikber, aktar tiżdied l-importanza li kulħadd josserva l-liġijiet imposti biex b’hekk ikollna s-sostenibilità f’dan il-qasam ukoll.
Id-Deputat Abela qal li rridu niżguraw li din l-industrija u anke min qed jaħdem fiha jkun konxju tar-responsabbilijiet marbutin magħha. “B’hekk inżidu l-effiċjenza, is-serjetà, il-kwalità tax-xogħol provdut u anke naqqsu r-riskji fuq il-ħajjiet,” tenna l-Onor Abela.
Il-ħaddiema u anke min hu responsabbli mis-settur għandu jingħata t-taħriġ. Hu temm jgħid li min iħaddem iridu jagħti taħriġ kontinwu fl-istess waqt il-ħaddiema li jidħol f’dan is-settur irid ikun mgħarraf għal dak ix-xogħol li se jibda jagħmel.