Tuesday, April 30, 2024

Wasalna f’punt li nċekknuh?

L-ekonomista Clint Flores jisħaq li t-triq ‘il quddiem hija sostenibbiltà u prosperità ekonomika

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dan l-aħħar xhur bdiet narrattiva li t-tkabbir ekonomiku huwa wisq tant wasalna f’punt fejn hemm bżonn li nċekknuh fosthom b’min jisħaq li ma nistgħux indaħħlu aktar ħaddiema barranin fil-pajjiż.

Il-kwistjoni tat-tkabbir ekonomiku qiegħda fuq fomm kulħadd fejn ma naqsux il-kummenti, l-intervisti u anke artikli fir-rigward. L-ORIZZONT tkellem mal-ekonomista u l-analist politiku, Clint Flores, li filwaqt li kkonferma kemm ħarġu persunaġġi jikkumentaw fuq il-midja soċjali “daqslikieku f’daqqa waħda kulħadd sar ekonomista”, saħaq li t-triq ‘il qudddiem għal pajjiżna hija dik tas-sostenibbiltà u l-prosperità ekonomika.

“Saħansitra kien hemm anke esponenti politiċi li dehru għal artikli li kitbilhom ħaddieħor. Qiegħed ngħid dan b’mod responsabbli ħafna. Ma jistax ikollok persuni li mhux ekonomisti li jiktbu artikli kemm xejn tekniċi, imma fl-istess ħin jaspiraw li jikkontestaw elezzjoni u ma jieħdux ir-responsabbilità ta’ dak li nkiteb. Ovvjament, huwa tajjeb li jsir hekk għax tifhem liema kompetenzi se tkun qiegħda tivvota fuqhom f’elezzjoni,” saħaq Flores.

Min-naħa tiegħu Flores jemmen li meta persuna taspira li tidħol fil-politika trid tqis kull kelma li tingħad għax tidħol f’territorju politiku li jkun kemm xejn kompetittiv u għalhekk meta tħallat l-ekonomija mal-politika, trid taċċerta li l-konklużjonijiet ikunu razzjonali.

“Proposti affarijiet li lanqas biss toħlom li jsiru aħseb u ara li jitwettqu…”
Huwa qal li quddiem is-suġġett tat-tkabbir ekonomiku li għandha bħalissa, “kien hemm ukoll min issuġġerixxa li jibdew kontrolli fuq in-numri ta’ turisti li jidħlu f’Malta, kemm ikun hawn lukandi ta’ tliet stillel u li għandhom jingħalqu u anke li jingħalqu swieq bħal Airbnb. Meta bdejt naqra ppruvajt nifhem x’kienu qegħdin jgħidu b’mod ekonomiku u anke politiku. Fil-fatt, kien hemm esponenti li kkampanjaw għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, fejn ipproponew affarijiet li lanqas biss toħlom li jsiru, aħseb u ara li twettaqhom fl-ekonomija”.

B’mod tekniku, huwa qal li meta l-Gvern jindaħal lill-privat u jissanzjona kemm ikun hawn lukandi, turisti u anke l-mod ta’ kif għandna ngħixu hemm inkunu missejna politika ekonomika awtokratika. L-istess politika li ma titħaddanx minn min jemmen li huwa libertarjan saħansitra mill-Unjoni Ewropea stess.

Spjega kif, “tista’ tirregola swieq li ma jkunux qegħdin jiffunzjonaw, kif bosta drabi ssuġġerejt jien ukoll, imma ma tistax tibda tissanzjona min jista’ kemm jista’ u min għandu jiftaħ negozju f’ċeru setturi. Veru, il-liberà tal-kelma hija waħda ħielsa u hekk nemmen jien ukoll. Madankollu, meta taħseb dwarha, l-iskola Awstrijaka tal-ħsieb ekonomiku libertarjan tħalliet orfni biex tippromwovi politika ekonomika bħal din li hija waħda populista, ta’ komdu jien u mhux il-kollettiv jekk tkisser it-tkabbir ekonomiku”.

Kejl globali

Flores qal li rridu nżommu f’moħħna li l-kejl u l-metrika ta’ kif u jekk pajjiż huwiex sejjer tajjeb ġiet stabbilita għexieren ta’ snin ilu bil-kejl tat-tkabbir ekonomiku. Żied li, “fil-fatt dan il-kejl huwa wieħed globali. Jintuża mill-Unjoni Ewropea stess qabel ma tapprova l-baġits nazzjonali tagħna, minn aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u istituzzjonijiet internazzjonali oħra madwar id-dinja.

B’mod ċar, matul is-snin ġiet stabbilità bħala lingwa komuni fl-ekonomija u kif testima li pajjiż sejjer ekonomikament tajjeb. Dak li rridu nifhmu huwa li ż-żieda fil-Prodott Domesiku Gross, li nħobb insejjaħlu il-kejk nazzjonali, jeħtieġ fatturi addizzjonali ta’ produzzjoni biex jitkabbar”.

Hawn huwa qal li kif u minn fejn iġġibhom hija storja differenti. Matul l-aħħar 10 snin l-ekonomija ta’ Malta rduppjat fid-daqs tagħha. “Ovvjament, ċerti setturi jeħtieġu fatturi ta’ produzzjoni (ħaddiema u kapital) li jirrikjedu aktar xogħol minn oħrajn u ladarba dan jiġi aċċellerat, huwa ovvju li d-domanda għal dawn il-fatturi ta’ produzzjoni tiżdied.

Fil-passat kelli l-opportunità nikteb opinjonijiet different fuq dak li rridu niffokaw fuqu, inkluż il-mod ta’ kif qegħdin jiġu allokati r-riżorsi. Dan kollu huwa dwar l-ottimizzazzjoni tal-effiċjenza tal-ippjanar meta nallokaw il-kapital, il-ħaddiema ġejjin minn fejn ġejjin u l-ġestjoni tal-kapital naturali tagħna u biex nakkomodaw setturi addizzjonali ta’ valur miżjud ogħla, kif kien ukoll issuġġeriet, jeħtieġ li nipprovdulhom spazji xierqa minn fejn joperaw,” kompla dan l-ekonomist.

L-immudellar tal-ekonomija

Flores qal li xi drabi naslu biex nissimplifikaw ir-realtà. “Għandna t-tendenza li nidħlu f’fażi fejn nibdew nissuġġerixxu affarijiet li lanqas fit-teorija ma’ jaħdmu. Tibda tara politiċi prospettivi jidhru għall-kittieba oħra mingħajr ma fehmu l-kontenut ta’ dak li se jidhru għalih. Nemmen li hemm tajjeb f’dak li ġie popost fejn jidħol ippjanar, imma trid tarah b’mod wisgħa għax normalment li jipproponu mhuwiex ekonomikament razzjonali sakemm ma nbiddlux ir-regoli internazzjonali ta’ kif titkejjel kif pajjiż sejjer tajjeb, jiġifieri t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiż”.

Fil-fatt, l-analiżi li ra Flores, dawn kienu pproġettati taħt xenarju li kollox jibqa’ l-istess u li jekk tbiddel ma jseħħux istanzi oħra. Huwa nfurmana li fl-immudellar tal-ekonomija, “dejjem hekk jiġri. Tabilħaqq, meta tkellmu li jkollna setturi adizzjonali ta’ valur miżjud ogħla, tilfu l-punt li neħtieġu domanda addizzjonali għax-xogħol biex nibnu uffiċji ġodda u bini kummerċjali li jkun kbir anke fl-operat.

X’imkien, għandna nipprovdulhom fejn joperaw u rridu noffrulhom b’mod professjonali u adegwat, jekk verament nemmnu li rridu valur miżjud ogħla, inkella ma jiġux Malta”.

Dan l-ekonomist u analist politiku daħal aktar id-dettal fejn sostna li meta tkun qiegħed tmexxi pajjiż jew istituzzjoni, mhuwiex faċli li timplimenta il-politika ekonomika speċjalment f’suq żgħir li jirreaġixxi ħafna.

Ħidmet il-Gvern

Qal li, “ftit ġimgħat lura, ktibt opinjoni dwar id-diplomazija tal-enerġija u ttrattajt l-Afrika ta’ Fuq inkluż l-importanza tal-istabbilizzazzjoni tat-Tuneżija u l-potenzjal tal-Libja. Madankollu, kont kawt fin-narrattiva tiegħi.

Ir-Rebbiegħa Għarbija taf l-oriġini tagħha mit-Tuneżija u għalhekk għandha bżonn l-appoġġ. L-UE daħlet biex issalva l-ekonomija Tuneżina billi pproponiet pakkett ta’ għajnuna finanzjarja makroekonomika li jiswa biljuni ta’ ewro.

Ħadt gost ukoll nara li l-Prim Ministru Robert Abela fil-Libja fejn Malta ħadet ukoll rwol proattiv mal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, kont ottimist nara li l-UE dawwret l-attenzjoni tagħha wkoll lejn in-Nofsinhar”.

Ukoll, il-Prim Ministru Robert Abela żar l-Italja għal żjara uffiċjali għal taħditiet dwar is-setturi tal-enerġija u ekonomiċi, inkluż il-problema li ilha għaddejja tal-migrazzjoni irregolari.

Bla dubju, Malta dejjem żammet mar-responsabbiltajiet tagħha taħt il-liġi internazzjonali. Il-problema tat-traffikar tal-bnedmin u l-iskala tal-kriminalità organizzata, xi drabi aktar b’saħħitha mill-Istat, ma jistgħux jipperpetwaw b’mod indefinit.

“Pajjiż ma jista’ jagħmel xejn waħdu”

Fir-rigward, Flores semma’ li l-UE kellha l-opportunità li tistudja din il-problema permezz tal-missjonijiet varji tagħha inkluż Operazzjoni Sophia u anke Operazzjoni Irini, EUBAM Libya u oħrajn. Kif affermaw mill-ġdid iż-żewġ Prim Ministri, Malta u l-Italja ħaddnu relazzjonijiet b’saħħithom. Aħna ġeografikament ġirien u naqsmu ħafna affarijiet komuni.

“L-UE trid tidħol u tgħin lill-pajjiżi l-kbar jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-problema u jkissru l-mudelli tal-kuntrabandisti. Inkella, huwa diffiċli li jinkisbu r-riżultati. Kif qal il-Prim Ministru Malti, pajjiż ma jista’ jagħmel xejn waħdu. Dan mhux biss fejn tidħol il-migrazzjoni irregolari, iżda wkoll dwar is-sigurtà tal-enerġija, kif ukoll id-dekarbonizzazzjoni tal-kontinent Ewropew. Evidentement, it-trawwim ta’ relazzjonijiet diplomatiċi huma t-triq ‘il quddiem biex jiġu ttrattati u solvuti l-problemi. Dan jiġi bħala parti minn viżjoni ekonomika ħolistika li jkun pprovda Gvern,” insista l-analist b’esperjenza diretta fil-UE,” kompla Flores.

Huwa qal li nnota wkoll li meta żar Malta l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent faħħar ix-xogħol li qiegħed isir fl-isfera tal-immaniġġjar tal-iskart. “Il-Kummissarju Ewropew rrefera għal Wied Fulija bħala r-restawr tan-natura li jista’ jsir permezz ta’ viżjoni ekonomika. Ovvjament, xi żoni li tħallew fi stat dilapidat jew inkella wżati fl-imgħoddi bħala miżbliet huwa importanti li jiġu rrestawrati. Bla dubju, ir-restawr u t-tisbiħ ta’ żoni li tħallew fi stat dilapidat huwa parti mill-viżjoni ekonomika tal-Gvern Malti li taqbel ma’ dik tal-UE”.

Ebda pajjiż m’għandu mudell ekonomiku perfett

Flores ammetta li m’għandniex mudell ekonomiku perfett pero żied li, “ebda pajjiż ma għandu dan. Madankollu, il-viżjoni ekonomika li offra l-partit fil-Gvern u li nkitbet mill-Prim Ministru Robert Abela fil-ġimgħat li għaddew, żgur li jirribattu narrattivi rrazzjonali li ħakmu lill-pajjiż fix-xhur li għaddew. Li huwa żgur li ħdejn pajjiżi oħra, Malta rnexxiela tipprovdi mudell ekonomiku ta’ stabbiltà politika u ekonomika fi żminijiet ta’ kriżijiet globali. Madankollu, jekk irridu mudell ekonomiku differenti, jiġifieri mudell b’inqas tkabbir ekonomiku, inkluż limitu fuq in-numru ta’ turisti, allura rridu nkunu konxji tal-fatt li lkoll għandna nħallsu kontijiet ogħla tad-dawl, prezzijiet tal-fjuwil ogħla meta immorru fl-istazzjon tal-fjuwil, inqas żidiet fil-pensjonijiet, inkluż inqas opportunitajiet ta’ impjiegi u instabbiltà addizzjonali”.

Skont dan l-ekonomista, jekk se nġibu valur miżjud, xorta rridu tkabbir ekonomiku, għax finalment hemm se tispiċċa la r-regoli huma hekk. “Bħala ekonomista, nippreferi l-problemi li jiġu mis-suċċess ekonomiċi aktar milli ma jkolli l-ebda opportunitajiet.

Dawn jissolvew faċilment billi tiġi aġġustata l-effiċjenza u r-riallokazzjoni tar-riżorsi umani u kapital, filwaqt li jiġu kkoreġuti kwalunkwe fallimenti tas-suq bi ppjanar proprju. It-triq ‘il quddiem hija sostenibbiltà u prosperità ekonomika,” temm Clint Flores.

Sport