Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza reġgħet magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Il-15-il edizzjoni tal-Maratona se tkun inawgurata mill-E.T. Dr Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju fis-6.30 p.m. u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-Ħadd 20 ta’ Lulju 2025. Erbgħin plejer, magħżula wara sitt ġimgħat ta’ taħriġ, se jiffurmaw ħames timijiet li se jkunu qed jidħlu għall-isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob volleyball bla waqfien mhux għal xi gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.
F’diskors qasir li għamel waqt il-preżentazzjoni tal-players lill-media, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li din is-sena qed niċċelebraw il-15-il edizzjoni ta’ din il-maratona, kif ukoll is-60 anniversarju tad-Dar. Huwa tkellem dwar il-bżonn ta’ fondi biex id-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi residenzjali li toffri lil 115-il persuna. Qal ukoll li d-Dar tinsab fil-proċess li tiftaħ aktar djar fil-komunità. Huwa ħeġġeġ lil kulħadd biex jattendi għal din l-attività biex nissapportjaw lill-players li b’tant dedikazzjoni u impenn se jkunu qed jidħlu għal din l-isfida.
F’kumment li ta lill-media, is-Sur Ernest Agius, iċ-Chief Operations Officer tal-BOV, qal li din il-maratona mhix biss logħba – imma xhieda qawwija tal-għaqda. Meta l-isport jitwaħħad mas-solidarjetà, inkunu qed nibnu Malta b’qalb ikbar. Il-BOV huwa kburi li jkun ma’ dawk li qatt ma jieqfu jemmnu fil-ġid komuni.
Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd filgħaxija, bejn id-9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti u bands lokali li se jkunu qed idoqqu u jkantaw fuq il-palk li se jittella’ apposta fil-parkeġġ tad-Dar. Il-Ġimgħa se jdoqqu Zone 5, is-Sibt, Kantera u l-Ħadd l-iSpiteri Lucas Band.
Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar ’l isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.sabihlitaghti.org
€15 5170 2012
€25 5180 2013
€50 5190 2070
€100 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile 7932 4834