Wednesday, December 25, 2024

WASLET IS-SEJĦA BIEX IL-POPLU JAGĦŻEL

Aqra wkoll

Wara ħafna spekulazzjonijiet dwar it-tħabbir tad-data tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, fl-aħħar il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar din id-data b’mod uffiċjali. F’attività politika fuq il-Fosos tal-Floriana lbieraħ filgħodu l-Prim Ministru ħabbar li l-elezzjoni ġenerali se ssir fis-26 ta’ Marzu li ġej, liema aħbar intlaqgħet b’ċapċip kbir u entużjażmu minn dawn preżenti. 

Dan ifisser li se jkun qiegħed jibda l-proċess biex il-partiti jiffinalizzaw il-proposti tagħhom, jgħadduhom lin-nies u dawn imbagħad jagħmlu l-għażla tagħhom ta’ min se jkun qiegħed imexxihom għall-ħames snin li ġejjin.

Il-poplu għandu għażla quddiemu u minkejja li kif qal tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela, kull elezzjoni titlaq minn xejn b’xejn, il-poplu żgur li ma jistax jinsa l-ħidma kontinwa ta’ dan il-gvern.

Fl-aħħar diskorsi mqanqla tiegħu l-Prim Ministru saħaq li huwa jrid ikompli jsaħħaħ il-moviment Laburista għax jemmen li dan jista’ faċilment isir bis-sehem ta’ kontribut żagħżugħ u anke biż-żieda tan-nisa fi rwoli rispettivi.

Skont l-aħħar stħarriġ ippubblikat mill-gazzetta IT-TORĊA, il-Prim Ministru jidher li minkejja ċertu deċiżjonijiet diffiċli li kellhom jittieħdu matul, il-pandemija, ċertu restrizzjonijiet li kellhom jittieħdu, deċiżjonijiet biex il-poplu jkompli jitlaqqam li ma qabilx magħhom kulħadd, għadu qiegħed ikompli jsib din il-fiduċja fl-elettorat.

Nemmnu li din għadha tkun kampanja elettorali bil-għaqal u li ma xxekkilx l-avvanzi li għamilna fil-każi tal-pandemija. Il-poplu għamel wisq sagrifiċċji biex dawn jintilfu mar-riħ b’deċiżjonijiet li jerħu għal kollox ir-riedni.

Jekk xejn dan għandu jsir b’rispett u dinjità għall-frontliners kollha li ħadmu bla waqfien sa mill-ewwel jiem li fihom feġġew l-ewwel każi f’pajjiżna u fuq kollox dawk kollha li sfaw vittmi tal-virus.

Nemmnu li l-poplu għandu għażla ċara quddiemu. Mingħajr daqq ta’ trombi l-poplu jista’ jkun qiegħed jagħżel bejn gvern immexxi minn Robert Abela li matul dawn l-aħħar sentejn kellu jieħdu uħud mill-aktar deċiżjonijiet ibsin mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn jew li jipprova lill-Kap tal-Oppożizzjoni li kontinwament qiegħed isostni li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-gvern huma kkuppjati mill-wegħdi tiegħu.

Finalment, hija għażla bejn il-passat u l-futur. Għażla bejn min huwa ffukat fuq il-pjanijiet għall-ġejjieni u min irid inissel il-firda. Wieħed għandu jiżen sew dawk li l-partiti politiċi se jkunu qed iressqu ‘l quddiem qabel jieħu din id-deċiżjoni kruċjali għall-futur tal-pajjiż. 

Ekonomija

Sport