Saturday, December 21, 2024

“Wassalna messaġġ ċar ħafna dwar l-imħabba li l-omm kapaċi tagħti”

- Laura Bruno - Rebbieħa Għanja tal-Poplu 2024

Aqra wkoll

Il-kanzunetta ‘Għażiża’ interpretata minn Laura Bruno fuq kliem u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas, rebħet edizzjoni oħra tal-Għanja tal-Poplu 2024. Din il-kanzunetta ġġudikata bħala l-aqwa waħda tas-serata, titkellem dwar l-imħabba tal-omm.

Bla dubju li l-firda meta tiġi nieqsa l-omm hija iebsa u dak li jkun jittama li l-omm xorta tibqa’ tmexxih matul ħajtu. Fil-fatt l-istess Bruno iddedikat din il-kanzunetta lil ommha li ħallietna ftit tas-snin ilu.

L-edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu ttellgħet is-Sibt li għadda fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-16-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra. F’din it-48 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu ġew sottomessi 120 kanzunetta oriġinali. Eventwalment, fis-serata finali ir-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija esperta flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet magħmula minn membri tal-pubbliku kif ukoll membri tal-Malta Concert Orchestra.

Il-kantanta Laura Bruno ngħatat ukoll il-premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni.

Sadanittant ‘Namra’ kantata ta’ Florence Aquilina ġiet ikklassifikata fit-tieni post filwaqt li fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Fissidni’ interpretata minn Dario Bezzina.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali, intrebħet minn Lon Kirkop bil-kanzunetta ‘Straight’. Barra minn hekk ingħata premju speċjali, “Għanja li Tibqa’” lil Renato Micallef għall-kanzunetta “Bizzilla bil-Ġebliet” li kien ħa sehem biha f’dan il-konkors fl-edizzjoni tal-2002. 

B’kollox kienu sittax-il kanzunetta, ilkoll bil-Malti, li ħadu sehem f’din l-edizzjoni li kienet ppreżentata minn Antonella Galea Loffreda u Joseph Galea. 

Fuq il-profil tagħha fuq Facebook, Laura Bruno kitbet hekk:

“Ninsab bla kliem. Onorata immens li ilbieraħ irnexxielna niksbu l-ewwel post fit-48 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu, bil-kanzunetta Għażiża, bi kliem u mużika tal-bravissimu Mark Spiteri Lucas.

“Grazzi kbira tmur lit-tim kollu li b’xi mod jew ieħor kellu sehem fil-kanzunetta Għażiża, Mark Spiteri Lucas tal-lirika li misset il-qlub u mużika li paxxiet il-widnejn, Aurelio Belli tal-arranġament mil-aqwa għall-orkestra, Andrew Zammit għar-recording ferm professjonali fl-istudio, Maestro Joe Brown għad-direzzjoni tal-orkestra, il-mużiċisti tal-Malta Concert Orchestra, lit-tim kollu ta’ L-Għanja Tal-Poplu.

Fuq nota personali, nixtieq nirringrazzja lil Pamela tad-direzzjoni vokali, grazzi tal-pariri u sapport. 

Lil Clint Abela-Wadge, Maryrose Abela-Wadge u Raisa Fenech minn Wadge Studio li dejjem jieħdu paċenzja bija u jagħtuni l-aqwa dehra u kura għal xaghari.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, lil-familja tiegħi kollha, b’mod speċjali lil missieri John, oħti Joanna, ir-raġel tagħha Chris, in-neputijiet tiegħi Gabriel, Daniel u Samuel, u lil-partner tiegħi Gaetano, ta’ l-imħabba u s-sapport kontinwu.”

Dan il-ġurnal tkellem mal-istess kantanta rebbieħa Laura Bruno li fissret is-sodisfazzjon tagħna għal din ir-rebħa li għal ħafna kienet meritata.

“Din il-kanzunetta hi ddedikata lil ommi li ħallietna tmien snin ilu. Kienet kanzunetta speċjali li jien personali emmint ħafna fiha. Għandha lirika bellezza u l-mużika tikkumplimenta sew fejn wassalna messaġġ ċar ħafna dwar l-imħabba li l-omm kapaċi tagħti.”

Bruno faħħret ukoll id-dedikazzjoni u l-intelliġenza ta’ Mark Spiteri Lucas li kiteb il-lirika u l-mużika. Ironikament din kienet ukoll waħda mill-ftit kanzunetti li Spiteri Lucas kiteb bħala lirika u li rnexxietlu mija fil-mija. Kienet ukoll l-ewwel kanzunetta li biha rebaħ b’kitba ta’ lirika. 

“Jien u Mark ilna naħdmu flimkien għal numru ta’ snin anke għax inzertajna li nafu lil xulxin sew peress li mill-Belt Valletta. Anke l-familji tiegħu u tiegħi huma ħbieb u għalhekk tista’ taħseb kemm aħna familjari. Hu kellu wkoll żewġ kanzunetti oħra bħala kompożitur iżda għażel li ma jidħolx bħala kantant.”

Bruno tgħidilna li għalkemm bħala kantanti huma kienu kompetituri, kien hemm ukoll dak l-element ta’ ħbiberija bejn kulħadd. Kien hemm xi wħud minnhom li hi saret taf bihom għall-ewwel darba peress li għandhom żgħar iżda l-maġġor parti minnhom tafhom sew minħabba li ħadmu flimkien fit-teatru, pantomini u rappreżentazzjonijiet oħra. Hi semmiet b’mod partikolari lil Leontine, Dominic Cini, Mark Tonna u Anna Azzopardi. Kien hemm għalhekk sinerġija kbira bejniethom li din għenet sabiex l-atmosfera tkun waħda amikevoli.

L-istess Laura Bruno tfaħħar il-lingwa Maltija u anke l-kobor li tkun tista’ tkanta biha.

“Il-lingwa Maltija hi sabiħa wisq. Naraha bħala speċjali biex tkantaha u jien ma niddejjaqx nagħmel dan. Il-lingwa Maltija sabiħa ħafna fil-melodija u fiha joħorġu ħafna sentimenti sbieħ.”

Bruno tgħid li x-xena Maltija bħalissa qed titjieb u qed tingħata aktar spazju minn radjijiet, stazzjonijiet tat-televiżjoni u anke fuq il-midja soċjali. Minkejja kollox, tħoss li bħala kantanti Maltin iridu jiġu rispettati iktar sabiex dan it-talent li tahom il-Bambin ikunu jistgħu jiżviluppawh iktar. 

Iżda kif tara lilha nnifisha Laura Bruno minn hawn u għaxar snin oħra?

“Hi domanda diffiċli ftit iżda nixtieq li nkompli għaddejja kif jien, inkompli noħroġ u nkanta mużika sabiħa, inkompli nkun attiva fit-teatru u nibqa’ bil-karattru kif jien.”

Laura Bruno se tkun qed tieħu sehem ukoll fil-musical Ċetta from Valletta li se jittella’ bejn t-12 u l-20 t’Ottubru. Hi ilha li bdiet il-provi tagħha f’Ġunju li għadda u tinsab grata ħafna għal Herman Bonaci Productions li għażluha għal darb’oħra biex tieħu sehem f’din ir-rappreżentazzjoni. Dan kollu wara li s-sena l-oħra kienu fdawlha wkoll Żeża tal-Flagship li wkoll kien ta’ suċċess enormi.

“Il-fatt li dan il-musical se jorbot miegħu tliet dixxiplini li tant huma għal qalbi iġifieri ż-żfin, ir-reċtar u l-kant hi xi ħaġa eċċezzjonali. Jien bħal dejjem se nagħti l-mija fil-mija tiegħi biex dejjem nirnexxi f’dak li nagħmel.”

Finalment tlabna lil Laura Bruno, rebbieħa ta’ din l-edizzjoni 2024 tal-Għanja tal-Poplu sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

“Il-karriera mużikali mhux faċli, trid temmen ħafna fik innifsek u tibqa’ saqajk mal-art filwaqt li taħdem ħafna. Minkejja kollox, id-dedikazzjoni li jkollok tista’ twasslek għal ħafna opportunitajiet u affarijiet sbieħ fil-futur.”

Ekonomija

Sport