L-iskala allarmanti ta’ miżinformazzjoni li qed tinfirex fuq it-Thermal Treatment Facility li qed tiġi proposta fil-Magħtab wasslet lill-WasteServ biex tirreferi l-kwistjoni lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Fi stqarrija WasteServ qalet li l-investiment ta’ €500 miljun fil-proġett ECOHIVE huwa maħsub biex ikompli imexxi lil Malta lejn ekonomija ċirkolari, bħala parti mill-għan tiegħu biex il-pajjiż ma jibqax jiddependi fuq il-miżbliet u l-impatti negattivi kbar assoċjati magħhom.
“Minflok ikkonsultaw id-dokumenti disponibbli biex id-diskors tagħhom ikun ibbażat fuq evidenza, l-MEP Peter Agius u d-Deputat Claudette Buttigieg għażlu li jbeżżgħu b’asserzjonijiet qarrieqa u billi sostnew b’mod falz li l-faċilitajiet ġodda ta’ WasteServ se jkollhom impatt negattiv fuq eluf ta’ nies f’raġġ ta’ sitt kilometri,” intqal fl-istqarrija.
“WasteServ tiffoka l-enerġija kollha biex twettaq il-missjoni tagħha u normalment ma tirreaġixxix għal diskorsi politiċi. Madankollu, l-ammont ta’ miżinformazzjoni li qed tinxered ġiegħlitna nitbiegħdu minn din il-pożizzjoni u irreferejna l-kwistjoni lillKummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għal kwalunkwe azzjoni li jidrilu hi xierqa. “Id-dikjarazzjonijiet irresponsabbli għall-aħħar li qed isiru dwar dan il-proġett nazzjonali qed joħolqu allarm u qed jikkontribwixxu għal ansjetà bla bżonn fost irresidenti ta’ diversi lokalitajiet fil-qrib u li fl-aħħar mill-aħħar dan qed jaffettwa lkwalità tal-ħajja u l-benesseri tagħhom. Din kienet xi ħaġa li l-kumpanija ma setgħetx tibqa’ tinjora għax il-verità hemm bżonn li toħroġ,” qalet WasteServ fi stqarrija.
Stqarrijiet foloz iddeskrivew il-faċilità u l-Kumpless ECOHIVE bħala “fabbrika tal-kanċer”, “greenwashing”, u anke allegaw li ma sarux studji xierqa. WasteServ saħqet li dikjarazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux ikunu aktar il-bogħod mill-verità. Studji ppreżentati lill-pubbliku juru wkoll b’mod ċar li saru l-istudji meħtieġa, inkluż dwar l-impatt ta’ faċilitajiet oħra. “Aħna nilqgħu l-iskrutinju. Li nirrifjutaw huwa t-tixrid ta’ miżinformazzjoni li tnawwar lgħarfien pubbliku u żżid l-ansjetà fost ir-residenti li jixirqilhom il-fatti, mhux minn jbeżżagħhom,” qalet WasteServ.
WasteServ żiedet tgħid li l-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali tal-impjant tal-Waste-to-Energy kien diġà ikkonkluda li din il-faċilità kienet ser issarraf f’benefiċċji ambjentali netti. L-istess ġie konkluż fil-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali tal-Organic Processing Plant. Il-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali tat-Thermal Treatment Facility, li daqt jiġi konkluż, diġà qed jagħti assigurazzjonijiet sodi dwar il-kwalità tal-arja minn l-analiżi dettaljata li saret minn esperti internazzjonali indipendenti.
F’konformità mar-rekwiżiti regolatorji, l-istudji komprensivi dwar l-ECOHIVE Thermal Treatment Facility, proġett li kien imħabbar fl-2020, saru u ġew ippreżentati waqt seduta pubblika apposta fit-23 ta’ April 2025. Dawn l-istudji evalwaw bir-reqqa limpatti kollha li jista’ jkun hemm skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, u l-konklużjonijiet ikkonfermaw li l-impjant se jkun qed jinkorpora l-aqwa teknoloġija disponibbli (Best Available Technology).
Barra minn hekk, sabu li mhux se jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja, anke meta ġiet studjata flimkien mal-impjant Waste-to-Energy li se jkun fil-qrib. Biex tiżgura li l-pubbliku jkun jista’ jasal għall-opinjoni tiegħu, ibbażata fuq informazzjoni fattwali u vverifikata, WasteServ qed tippubblika informazzjoni addizzjonali li tindirizza numru ta’ allegazzjonijiet.