“L-opinjoni ppubblikata llum minn Illum mill-MEP Peter Agius, intitolata ‘L-Ewropa qammiela għax ma tridx tħallas inċineratur’ hija falza, mhux preċiża u qarrieqa”. Dan iddikjaratu l-WasteServ fi stqarriija, fejn enfasizzat fuq il-fatt li fl-ebda punt waqt laqgħa ta’ informazzjoni pubblika li saret mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar u WasteServ fl-24 ta’ Settembru 2025, is-CEO ta’ WasteServ, Richard Bilocca, ma’ qal li l-Unjoni Ewropea hija avari.
Qalet ukoll; “L-istqarrija ta’ Aguis għall-kuntrarju hija kompletament falza. Mhux biss din id-dikjarazzjoni ma saritx, iżda fir-rigward tal-finanzjament, is-CEO ta’ WasteServ qal eżattament l-oppost – li juri kif il-fondi tal-UE kienu u se jibqgħu kruċjali fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart ta’ Malta”.
Il-WasteServ irrimarkat li dan jista’ jiġi vverifikat b’mod indipendenti mir-reġistrazzjoni tal-laqgħa, li fiha s-Sur Agius lanqas biss kien preżenti, li matulha s-CEO Richard Bilocca spjega kif WasteServ użat fondi tal-UE minn meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Is-Sur Bilocca spjega kif l-impjant fl-impjant ta’ Sant’Antnin kien iffinanzjat mill-UE, ir-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Magħtab u s-sistema tal-ipproċessar tal-gass kienu ffinanzjati mill-UE, ir-riabilitazzjoni tal-miżbliet tal-Qortin u Wied Fulija kienu ffinanzjati mill-UE, l-impjant il-ġdid tar-riċiklaġġ fil-Magħtab kien iffinanzjat mill-UE, l-impjant tal-ipproċessar tal-ħġieġ kien iffinanzjat mill-UE, u l-Faċilità ta’ Rkupru ta’ Materjali Multipli li tipproċessa skart bħall-injam u s-saqqijiet kienet iffinanzjata mill-UE.
Bilocca qal ukoll; “Il-fondi tal-UE jsegwu l-baġits u kif, fil-perjodu baġitarju attwali, WasteServ se terġa’ tkun waħda mill-benefiċjarji ewlenin, peress li se tirċievi €45 miljun għal impjant ġdid tal-ipproċessar organiku u fondi wkoll għal faċilità ġdida għall-ġestjoni tal-iskips.”
Dwar l-impjant tal-ipproċessar organiku, intqal ukoll li l-konsulenti tal-UE opponew il-finanzjament ta’ kanupew maħsub bħala miżura ta’ kumdità viżwali, u li dan il-komponent minuri kien se jkun kopert minn fondi nazzjonali.
Il-messaġġ ċar tas-CEO ta’ WasteServ kien li l-Finanzjament tal-UE kien ċentrali fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ġestjoni tal-iskart mill-2004, u se jkompli jkun hekk, bil-WasteServ tkun waħda mill-akbar benefiċjarji fil-livell nazzjonali.
WasteServ tenniet tgħid; “l-opinjoni minn Peter Agius fiha wkoll numru ta’ asserzjonijiet foloz oħra u dwar dan il-WasteServ se tfittex ir-rimedji xierqa mal-gazzetta li ppubblikat tali stqarrijiet.
WasteServ qed taħdem bla heda biex treġġa’ lura l-impatti negattivi ta’ snin ta’ rimi fil-miżbliet. Irnexxielha tnaqqas ir-rimi fil-miżbliet minn aktar minn 90% għal 73% fl-aħħar tliet snin; madankollu, biex tintlaħaq il-mira ta’ 10% l-infrastruttura – li l-MEP Peter Agius qed ixerred informazzjoni falza dwarha – hija essenzjali.
WasteServ hija determinata li toffri futur ambjentali aħjar, wieħed li ma jiddependix fuq ir-rimi tal-iskart fil-miżbliet, u se tkompli taħdem mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar sabiex ir-residenti jkollhom aċċess għall-fatti kollha.