WasteServ fi stqarrija qalet li tilqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga l-proċess tal-akkwist tal-waste-to-energy hekk kif din se tkun opportunità oħra biex turi ix-xogħol li sar fuq dan il-proġett ta’ €600 miljun.
Kien aktar kmieni matul il-ġurnata li l-Partit Nazzjonalista talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga lill-Gvern dwar kuntratt ta’ €600 miljun għal proġett ta’ inċineratur tal-iskart fil-Magħtab.
F’ittra ffirmata minn ħames Deputati tal-Partit Nazzjonalista ntqal li fid-dawl tal-fatt li r-residenti taż-żona huma mħassbin ħafna dwar dak li qed jiġri fil-Magħtab, il-Partit Nazzjonalista jrid jaċċerta li kull studju li kellu jsir qabel ma ttieħdu d-deċiżjonijiet, sar kif suppost u mhux għad-detriment ta’ saħħet ir-residenti.
Fi stqarrija WasteServ qalet li dejjem imxiet mal-aħjar prattiki, bl-involviment tal-COWI — ditta globali ewlenija tal-inġinerija ta’ livell internazzjonali li tinsab fl-ewwel post f’ dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi ta’ konsulenza dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
“WasteServ marret pass oltre u qabbdet ukoll lid-ditta ta’ konsulenza bbażata fir-Renju Unit Frith Resource Management biex tivverifika b’ mod indipendenti l-proċedura kollha tal-akkwist sal-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi. Ir-rapport ta’ Frith ikkonferma kif ir-riżultat, u l-proċess tal-akkwist, tmexxew b’ mod ġust u ekwu,” tgħid l-istqarrija.
Fil-fatt, is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ma tikkontestax l-proċedura adottata mill-WasteServ li ikklassifikat l-offerenti jew il-punteġġ mogħtija — li kienu wkoll ikkonfermati mill-aqwa ditti internazzjonali fil-qasam — iżda kkonċentrat biss fuq dawk li hija qieset bħala konflitti ta’ interess perċepiti relatati mal-Bord ta’ Reviżjoni tal-Kuntratti Pubbliċi.
WasteServ issa qed tistenna direzzjoni mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, u se tkun qed tgħaddi d-dokumenti kollha hekk kif tiġi mitluba tagħmel dan. Dawn id-dokumenti jikkonsistu f’ 47 box-file li għadhom issiġillati taħt firem minn dakinhar li ġew ddepożitati fil-Qorti fis-27 ta’ Marzu, 2024.
“WasteServ se tkun qed tikkoopera bis-sħiħ mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika,” qalet il-kumpanija fejn żiedet li l-proġett propost diġà kien suġġett għall-istudji ambjentali kollha meħtieġa li kkonfermaw l-impatt pożittiv nett fuq l-ambjent li dan l-proġett se jkollu.
WasteServ tenniet ukoll li r-riżultati pożittivi li kiseb il-poplu Malti – fejn ir-rata tar-riċiklaġġ mid-djar żdiedet b’ 266 fil-mija fl-aħħar 10 snin, il-borża s-sewda mid-djar naqset bi 31.5 fil-mija, u l-ġbir tal-iskart organiku u l-konverżjoni tiegħu f’ enerġija huma fl-ogħla livelli li qatt ġew irreġistrati.
Intant wara li l-Partit Nazzjonalista talba għar-riżenja tal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, fi stqarrija l-Ministeru għall-ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qal li huwa tal-mistħija kif l-Oppożizzjoni qed tipprova tippolitiċizza inċident li seħħ fuq post tax-xogħol u li wassal għal mewt traġika.
F’każ tant delikat u sensittiv, il-Ministeru jappella għall-politika matura u jtenni li hemm proċess li għaddej il-Qorti u huwa dan il-proċess li jrid jistabbilixxi
l-ġustizzja u l-ebda forum ieħor.
Filwaqt li l-perkors tal-ġustizzja ikompli għaddej, il-Ministeru jappella għall-prudenza biex il-każ ma jkunx preġudikat. Barra minn hekk, l-ebda ħaddiema tal-WasteServ m’għandu jkun suġġett għal logħba politika partiġġjana. Din hija attitudni insensittiva fil-konfront tal-ħaddiema li tilfu kollega, u fil-konfront tal vittma nnifsu.
Il-Ministeru jappella biex il-proċess tal-ġustizzja jitħalla jitkompla mingħajr indħil.