Thursday, December 26, 2024

Waterpolo: F’dawn it-tlett ijiem it-team nazzjonali tan-nisa se jkun fl-azzjoni

Aqra wkoll

F’konferenza stampa li saret fil-kwartieri ġenerali tal-ASA, ingħataw dettalji rigward it-tournament ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-Waterpolo tan-Nisa li se jsiru proprju ġewwa pajjiżna bejn illum u nhar il-Ħadd li ġej fejn flim­kien ma’ Malta, se jkunu qed jieħdu sehem Franza, Iżrael u l-Portugall. 

L-ewwel kelliem kien il-coach tal-istess team nazzjonali, Anthony Farrugia, li qal li t-tliet timijiet li se tkun qed taffronta Malta huma kollha superjuri għal pajjiżna iżda se jkunu qed jaffrontawhom b’umiltá u b’ħeġġa kbira bil-għan ewlieni li dan it-team ikompli jibni fuq it-tajjeb li diġá sar fl-imgħoddi. 

Farragia stqarr li t-team tiegħu huwa mibni fuq nukleu ta’ players żgħażagħ flimkien ma’ oħrajn ta’ esperjenza li qed jamalgamaw flimkien ferm tajjeb.

Mistoqsi jekk jaħsibx li sa seba’ jew tmien snin oħra dan it-team ikunx kapaċi jasal fejn wasal it-team nazzjonali tal-irġiel, jiġifieri, sal-Kampjonat Ewropew huwa stqarr li jeħtieġ nagħtu iktar cans u forsi nistennew anke sa 12-il sena iżda s-sinjali huma kollha pożittivi.

Il-coach tat-team nazzjonali tan-nisa qal li fil-jiem li għaddew il-players tiegħu, flimkien mal-istaff tekniku, attendew għall-kamp ta’ taħriġ ġewwa Osta, fl-Italja fejn għalkemm fl-ewwel jiem hu ma setax jassistihom mill-qrib minħabba li kien fi kwarantina, segwa l-aħħar ftit jiem u kien kuntent bl-attitudni u b’dak li urew il-players tiegħu.

Tkellem ukoll il-president tal-ASA, Joe Caruana Currana, li beda biex faħħar lill-coach tat-team nazzjonali tal-irġiel, Karl Izzo, għall-fatt li fil-jiem li għaddew mexxa lit-team tiegħu  għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew għar-raba’ darba konsekuttiva.

Huwa kompla billi faħħar l-impenn tal-players nisa li jiffurmaw parti mit-team nazzjonali fejn qal li dawn jagħmlu sagrifiċċji daqs, u xi drabi anke iktar mill-players irġiel, minħabba li wħud minnhom huma ommijiet u anke minħabba mpenji ta’ xogħol. 

Huwa awgura li dan it-team li jkollu wirjiet pożittivi, l-istess kif għamel il-coach tat-team nazzjonali tal-irġiel Karl Izzo li qal li għandu fiduċja assoluta f’dan it-team mmexxi minn Anthony Farrugia fejn qal li jemmen li fil-futur ir-riżultati għalihom għad jaslu wkoll.

L-iskwadra msejħa hija:

1-Stephanie Desjardins, 2-Nadia Azzo­pardi, 3-Kaia Agius, 4-Kendra Navarro, 5-Martha Perici Ferrante, 6-Louise Cachia, 7-Francesca Paolella, 8-Sophie Camil­leri, 9-Denise Micallef, 10-Rhea Caruana Dingli, 11-Zaira Bartolo, 12-Abby Bonello, 13-Alexia Amato, 14-Karla Camilleri, 15-Elaya Montfort Coach: Anthony Farrugia. 

Programm kollu:

Illum, 4 ta’ Marzu

5.00pm: Portugall v Iżrael

6.30pm: Malta v Franza

Għada, 5 ta’ Marzu

5.00pm: Iżrael v Franza

6.30pm: Malta v Portugall

Il-Ħadd, 6 ta’ Marzu

9.00am: Franza v Portugall

10.30am: Malta v Iżrael

Ekonomija

Sport