Sunday, December 22, 2024

Waterpolo: Illum jingħata bidu għall-Kampjonat Ewropew tal-LEN

Aqra wkoll

Il-livelli ta’ eċċitament qed jiżdiedu għall-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo 2024 li se jibdew illum fil-Kroazja u għada fl-Olanda, bil-kompetizzjoni tal-irġiel issir f’Dubrovnik u Zagreb u tintemm fis-16 ta’ Jannar, u t-tournament tan-nisa se jkun kontestat f’Eindhoven minn għada l-Ġimgħa sat-13 ta’ Jannar.

Iż-żewġ tournaments se jinkludu 16-il team, maqsuma f’erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet f’kull wieħed, li jkunu qed jissieltu biex jiġu nkurunati r-Rejiet u l-Irġejjen tal-Ewropa.

Biljett wieħed għal-Logħob Olimpiku ta’ Pariġi 2024 u tlieta għall-Kampjonati tad-Dinja 2024 fil-Qatar se jkunu wkoll għall-akkwist f’kull kompetizzjoni.

Il-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo 2024 kienu oriġinarjament skedati li jsiru f’Netanya, Iżrael, bejn is-7 u l-21 ta’ Ottu­bru, għalkemm xorta se jissejħu Kampjonati Ewropej 2024, iżda sfortunatament is-sitwaz­zjoni attwali fil-pajjiż fissret li l-avveniment kellu jitmexxa f’pajjiżi oħra.

Billi t-tournament tal-2022 ġie kontestat b’suċċess fi Split, il-Kroazja hija l-ewwel pajjiż li se jospita l-Kampjonati Ewropej tal- Waterpolo f’żewġ okkażjonijiet wara xulxin.

L-Olanda lanqas ma hija barranija li tospita l-kompetizzjoni, wara li fl-2012 għamlet spettaklu mill-aqwa f’Eindhoven.

Fit-tournament tal-irġiel, iċ-champions renjanti, il-Kroazja, qed jimmiraw li jerġgħu jgħollu t-trofew f’pajjiżhom, filwaqt li r-rebbieħa renjanti tat-titlu tan-nisa, Spanja, qed ifittxu li jagħmluhom tliet rebħiet konsekut­tivi wara li ħadu d-deheb fl-2020 u fl-2022.

It-team Malti li lejn l-aħħar tal-ġimgħa l-oħra ħa sehem fit-Tournament Internaz­zjonali tal-Milied, jinsab fi grupp diffiċli meta miegħu għandu lill-Ġermanja, is-Serbja u Iżrael meta huma dawn tal-aħħar li jidher li hemm xi ċans li niksbu riżultat tajjeb. Malta se tibda l-impenji tagħha għada kontra l-Ġermanja.

IL-FORMAT – Din se tkun l-ewwel edizzjoni bit-timijiet magħżula f’żewġ diviżjonijiet, ibbażati fuq l-aħħar edizzjoni u l-kwalifikaz­zjoni. L-aqwa tmien timijiet se jiffurmaw l-Ewwel Diviżjoni u t-tmien timijiet l-oħra t-Tieni Diviżjoni. Iż-żewġ diviżjonijiet se jinqasmu f’żewġ gruppi ta’ erba’ timijiet.

L-aqwa żewġ timijiet minn kull grupp tal-Ewwel Diviżjoni se jgħaddu direttament għall-kwarti-finali, filwaqt li ż-żewġ timijiet l-oħra minn kull grupp jilagħbu kontra wieħed mill-aqwa żewġ timijiet minn kull grupp fit-Tieni Diviżjoni fir-round tal-play-off.

Imbagħad, mill-kwarti-finali ‘l quddiem, se tintuża s-sistema regolari ta’ knock-out.

Kif huma ffurmati l-Gruppi:

GRUPP A – Kroazja, Spanja, Franza, Montenegro.

GRUPP B – Georgia, Greċja, Ungerija, Italja.

GRUPP C – Ġermanja, Iżrael, Malta, Serbja.

GRUPP D – Olanda, Rumanija, Slovenja, Slovakkja. 

Logħob għal-lum:

Grupp A – 5.00 pm: f’Dubrovnik – Montenegro v Franza

Grupp B – 5.00 pm: f’Zagreb – Georgia v Italja

Grupp B – 7.00 pm: f’Zagreb – Ungerija v Greċja

Grupp A – 7.00 pm: f’Dubrovnik – Spanja v Kroazja

Ekonomija

Sport