Friday, November 15, 2024

Waterpolo: Karl Izzo ottimist li Malta tikkwalifika għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Lejlet li t-team nazzjonali tal-waterpolo jibda bl-impenji tiegħu fi Grupp C tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-waterpolo, ġiet indirizzata konfe­renza stampa fil-kwartieri ġenerali tal-ASA mill-coach nazzjonali Karl Izzo u l-president Joe Caruana Curran.

Is-Sur Izzo aċċenna li jinsab ferm ottimist li tabilħaqq nistgħu niksbu l-kwalifikaz­zjoni minn dan il-grupp. Huwa saħaq li żgur li l-Maltin se jkunu qed iħossu n-nuqqas tal-captain Stevie Camilleri li mhux se jkun disponibbli għall-Maltin minħabba li se jkun impenjat mal-club tiegħu, Muri Antichi Catania,  filwaqt li  Jerome Gabarretta u Ni­cholas Bugelli jinsabu mweġġgħin.

Huwa sostna li l-Maltin kellhom kamp ta’ taħriġ ferm intensiv ta’ ħamest ijiem ġewwa Recco li fih seta’ jsegwi aħjar lill-players tiegħu. Dan filwaqt li afferma li kulħadd huwa konxju mill-qawwa tar-Rumanija iżda jinsab pożittiv li kapaċi niksbu rebħiet kontra l-Irlanda u l-Litwanja.

Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk jaħsibx li din l-iskwadra hijiex iktar superjuri jew inferjuri għal dik li permezz tagħha ksibna l-kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew għal tliet darbiet konsekuttivi, huwa ma xtaqx jikkummenta hekk kif tenna li l-paraguni huma odjużi iżda għandu fiduċja assoluta f’din l-iskwadra.

Madankollu huwa tenna li: “Ninsab verament kuntent bil-fatt li bosta players żgħażagħ Maltin qed jilagħbu barra minn xtutna ma’ diversi timijiet barranin. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-waterpolo lokali.”

Min-naħa tiegħu, il-president tal-ASA, Caruana Curran, qal li jittama li t-team nazzjonali tal-kbar jista’ jżomm ix-xejra pożittiva riċenti li jikkwalifika għall-fażi finali  li tkompli timmarka l-ħidma sfieqa li saret mill-ASA fl-aħħar snin.

“L-għan tagħna huwa li nippruvaw nibnu fuq ir-riżultati pożittivi miksuba fl-aħħar snin fejn irnexxielna nipparteċipaw fil-finali tal-Kampjonat Ewropew għall-aħħar tliet edizzjonijiet infila,” qal Caruana Curran.

“Il-fatt li t-team nazzjonali tagħna kien parti mill-aqwa 16-il pajjiż tal-Ewropa juri li ksibna xi ħaġa importanti ħafna.

“Fis-snin li ġejjin, l-għan huwa li nippruvaw u nkomplu ntejbu l-pożizzjoni tagħna fir-rankings Ewropej u l-prestazzjonijiet miksuba mit-timijiet nazzjonali tal-juniors tagħna fit-tournaments Ewropej tas-sena l-oħra juru li tabilħaqq ninsabu fid-direzzjoni l-ġusta.

Dan filwaqt li appella għal aktar sponsors biex jagħtu s-sostenn tagħhom lit-team nazzjonali Malti hekk kif irrimarka li xejn inqas minn 50% waqqgħu l-isponsor tagħhom matul il-pandemija.

Huwa appella wkoll lill-pubbliku sportiv Malti biex jattendi bi ħġaru għal dawn it-tliet logħbiet fejn jista’ jinxtara block ticket għall-prezz ta’ €10 mis-sit elettroniku uffiċjali tal-ASA biex ikun jista’ jsegwi dawn il-konfronti.

L-iskwadra msejħa hija:

Nicholas Grixti (Sliema), Jake Muscat (Neptunes), Andreas Galea (San Ġiljan), Jamie Gambin (Sliema), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Ben Plumpton (San Ġiljan), Jordan Camil­leri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Nikolai Zammit (San Ġiljan), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (Sliema), Jake Tanti (San Ġiljan), Liam Galea (Sliema), Matthew Mifsud (Sliema)

Il-programm ta’ logħob huwa:

Il-Ġimgħa

Rumanija v Litwanja 5.00 pm

Malta v Irlanda 6.30 pm

Is-Sibt

Rumanija v Irlanda 5.00 pm

Malta v Litwanja 6.30 pm

Il-Ħadd

Irlanda v Litwanja 9.00 am

Malta v Rumanija 10.30 am

Ekonomija

Sport