It-tim nazzjonali tal-waterpolo ta’ Malta tela’ f’polza diffiċli fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo tal-2026 li se jsiru fis-Serbja bejn l-10 u l-25 ta’ Jannar li ġej.
It-tim immexxi minn Milan Cirovic qed jipprepara għas-sitt parteċipazzjoni konsekuttiva tiegħu f’finali Ewropea u huma ħerqana li jippruvaw itejbu l-15-il post miksub fl-aħħar edizzjoni li saret fil-Kroazja sentejn ilu.
Malta telgħet fi Grupp A u se tilgħab kontra żewġ potenzi fil-waterpolo dinji jiġifieri l-Montenegro u l-Ungerija, filwaqt li Franza huwa t-tim l-ieħor li Malta se tkun qed taffronta.
Il-Montenegro rebħet il-Kampjonati Ewropej u l-FINA World League fil-passat, filwaqt li l-Ungerija hija 13-il darba champion Ewropea u tiftaħar ukoll b’midalji tad-deheb fil-Kampjonati tad-Dinja u fil-Logħob Olimpiku.
L-edizzjoni li ġejja tal-kampjonat Ewropew se tinkludi format ġdid.
It-turnew tal-irġiel ta’ 16-il jum se jibda bl-Ewwel Stadju tal-Gruppi, b’erba’ gruppi ta’ erba’ timijiet – li jikkonsistu f’żewġ nazzjonijiet li spiċċaw fl-ewwel tmienja fl-2024 u żewġ timijiet li għaddew b’suċċess mill-proċess ta’ kwalifikazzjoni.