Sunday, November 3, 2024

Waterpolo: Passiġġata Ġiljaniża fuq Barracudas

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Barracudas ……..4

San Ġiljan ……..20

(0-5, 2-5, 2-5, 0-5)

Mingħajr wisq tbatija, San Ġiljan għelbu lil Barracudas bl-iskor kbir ta’ 20-4 biex kisbu t-tieni rebħa minn daqstant logħbiet u żammew il-pass ma’ Sliema fil-quċċata fi Grupp B. 

Il-coach Zeljko Kovacic introduċa bosta players żgħażagħ biex serraħ ukoll lil Jake Tanti, Peter Borg, Matthew Zammit u Nicholas Bugelli.

Il-lista tal-iskorers tal- Ġiljaniżi kienet komposta minn 10 player li turi l-profonditá tal-iskwadra tagħhom. 

L-aktar li spikkaw kienu Lee Montebello Brownrigg li skorja erba’ goals u Daniel Fero u Nico Schiavone li rreġistraw hat-trick kull wieħed. 

Intant, din il-logħba kie­net prattikament bla storja fejn is-Saints rebħu l-ewwel sessjoni 5-0 bl-iskorers ikunu Daniel Tully, Lee Montebello Brownrigg, Nikolai Zammit, Mattias Ortolvea u Ben Plumpton. 

Fit-tieni sessjoni huma reġgħu skorjaw ħames goals iżda Barracudas wieġbu bi tnejn minn Ryan Sciortino u Andrew Magri filwaqt li Jake Bonavia (2), Lee Montebello Brwonrigg (2) u Nico Schiavone għamlu l-iskor 10-2. 

Bil-logħba mirbuħa u mit­lufa l-iskor tat-tielet sessjoni kien identiku ta’ dik preċedenti bil-protagonista jkun Daniel Fero li skorja tripletta bil-goals l-oħra jaslu minn Daniel Tully u Andreas Galea filwaqt li Ryan Sciortino u Luke Galea wieġbu għal Barracudas. 

Fl-aħħar sessjoni San Ġiljan komplew jixxalaw b’ħames skorers differenti li kienu Nico Schiavone, Lee Montebello Brownrigg, Nathan Bonavia, Russell Caruana u Andreas Galea. 

 Barracudas: M. Gouder, A. Piccione, A. Magri 1, P. Micallef, D. Ciantar, R. Sciortino 2, S. Aquilina, L. Galea 1, D. Camilleri, S. Camilleri, J. Bugeja, T.J. Mifsud, M. Borg – Coach: Michael Scerri

San Ġiljan: G. Vassallo, G. Bonavia, A. Galea 1, N. Schiavone 3, R. Caruana 1, L. Montebello Brownrigg 4, B. Plumpton 1, D. Tully 2, J. Bonavia 2, N. Zammit 1, D. Zammit, N. Bonavia 1, K. Grech, M. Ortoleva 1, D. Fero 3 – Coach: Zeljko Ko­vacic

Referees: Francesco Vildacci, Neville Mercieca

Sport