Minn Cristian Muscat
Sliema…………….12
San Ġiljan………16
(2-3, 4-5, 1-5, 5-3)
San Ġiljan huma ċ-champions tal-Kampjonat Premier għat-12-il darba meta fit-tieni play-off tal-finali għelbu lil Sliema bl-iskor ta’ 16-12, f’partita mill-isbaħ iżda inqas kumbattuta minn dik ta’ qabilha li l-Ġiljaniżi kienu rebħu bl-iskor ta’ 7-6.
Is-Slimiżi kellhom il-mumeni pożittivi tagħhom u kien hemm mument fit-tieni sessjoni, fejn saħansitra kienu żewġ goals minn fuq iżda mal-ħin speċjalment fit-tielet sessjoni, li l-Ġiljaniżi rebħuha b’vantaġġ ta’ erba’ goals, dehret evidenti l-esperjenza wiesa’ li jippossjedu l-maġġoranza tal-players ta’ San Ġiljan, li finalment għamlet id-differenza kollha.
Għall-Ġiljaniżi spikka ferm Ben Plumpton li skorja xejn inqas minn sitt goals.
San Ġiljan ħarġu ferm aggressivi u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-2, bil-goals għalihom jaslu minn Nikolai Zammit minn penalty, Darren Zammit u Ben Plumpton. Jayden Cutajar minn man-up wara li tkeċċa Ben Plumpton u Liam Galea wieġbu għal Sliema.
Il-partita kompliet tisbieħ u t-tieni sessjoni pproduċiet xejn inqas minn disa’ goals bis-Saints joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-4, bl-iskorers għalihom ikunu Nicholas Bugelli (2) bit-tieni goal għalih jasal permezz ta’ lob delizzjuż u Ben Plumpton minn man-up wara li tkeċċa Dino Zammit, Andreas Galea minn penalty u Mattias Ortoleva.
Dan sabiex Jayden Cutajar minn man-up wara li tkeċċa Nikolai Zammit, Dino Zammit, Zach Mizzi u John Brownrigg minn man-up wara li tkeċċa l-captain Matthew Zammit, irnexxielhom iniżżlu ismhom fuq il-lista tal-iskorers għas-Slimiżi.
San Ġiljan immexxija mill-coach Kroat Zeljko Kovacic rebħu wkoll it-tielet sessjoni bil-kbir, din id-darba bil-punteġġ ta’ 5-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Ben Plumpton (3), Russell Caruana u Jake Bonavia minn man-up wara li tkeċċa Zach Mizzi. Jayden Cutajar skorja l-uniku goal għal Sliema.
Sliema rebħu ir-raba’ u l-aħħar sessjoni bl-iskor ta’ 5-3, fejn għalihom irnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Dino Zammit minn penalty, Liam Galea, Matthew Mifsud, John Browrigg u Kieyan Borg minn penalty. Ben Plumpton, Nikolai Zammit minn penalty, u Matthew Zammit wieġbu għall-Ġiljaniżi.
Wara l-partita il-Kap tal-IT fi ħdan il-Bank of Valletta Joe Agius ippreżenta t-tazza lil Nicholas Bugelli. Dan fil-preżenza tal-president tal-ASA Joe Caruana Curran u s-Segretarju Ġenerali Rita Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima.
Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta, 3-Liam Galea (2), 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia, 7-Jayden Cutajar (3), 8-Matthew Mifsud (1), 9-John Brownrigg (2), 10-Jamie Gambin, 11-Zach Mizzi (1), 12-Dino Zammit (2), 13-André Theuma, 14-Kieyan Borg (1) Coach: Beto Fernandez
San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg, 3-Andreas Galea (1), 4-Nico Schiavone, 5-Russell Caruana (1), 6-Matthew Zammit (1), 7-Ben Plumpton (6), 8-Daniel Tully, 9-Jake Bonavia (1), 10-Nikolai Zammit (2), 11-Darren Zammit (1), 12-Nicholas Bugelli (2), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva (1), 15-Nathan Bonavia Coach: Zeljko Kovacic
Referees: Alex DeRaffaele, Filippo Gomez