Saturday, October 26, 2024

Waterpolo: San Ġiljan jiksbu t-tielet rebħa minn tlieta kontra Sliema

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

San Ġiljan…………..8

Sliema………………..6

(1-1, 1-2, 4-1, 2-2)

San Ġiljan għelbu lir-rivali eterni Sliema għat-tielet darba matul dan l-istaġun – tnejn fil-kampjonat u darba fin-Knock-Out meta għelbuhom bl-iskor ta’ 8-6. Ta’ nota huwa l-fatt li din kienet ir-raba’ telfa minn erbgħa f’konfronti diretti bl-oħra tkun kontra Neptunes … biex l-affarijiet xejn m’huma qed jidhru sbieħ għalihom.

Għas-Slimiżi qed jinħass ferm il-player Jerome Gabarretta fis-centre li mistenni jitlef il-kumplament tal-istaġun minħabba injury kemmxejn serja fil-kustilji li sofra iktar kmieni matul dan l-istaġun kontra Marsaxlokk u li mistennija tarah jitlef il-Kampjonat Ewropew mat-team nazzonali Malti li se jsiru fi Split fil-Kroazja bejn l-20 ta’ Awwissu u s-7 ta’ Settembru li ġej.

Min-naħa l-oħra, għall-Ġiljaniżi reġa’ spikka ferm il-player xellugi żagħżugħ, Nikolai Zammit, li rreġistra hat-trick personali biex kompla jinkuruna staġun mill-aqwa, waqt li għal Sliema l-aqwa skorers kienu Dino Zammit u Liam Galea li skorjaw żewġ goals kull wieħed.

Sliema kellhom il-kmand tal-logħba sa tmiem it-tieni sessjoni fejn saħansitra kienu goal minn fuq, iżda fit-tielet sessjoni kkrollaw għal kollox hekk kif tilfuha b’distakk ta’ tliet goals.

Fl-ewwel sessjoni rrenja bilanċ assolut hekk kif din intemmet fi draw ta’ 1-1, bil-goal għall-Ġiljaniżi jasal minn Nikolai Zammit, waqt li Jamie Gambin minn man-up wara li tkeċċa Darren Zammit wieġeb għas-Slimiżi.

Sliema rebħu t-tieni sessjoni bl-iskor strett ta’ 2-1, b’Liam Galea jirreġistra doppjetta personali għalihom, bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Andreas Galea. Nikolai Zammit minn penalty irrisponda għall-Ġiljaniżi.

Iżda s-Saints wettqu reazzjoni mill-aqwa u rebħu t-tielet sessjoni bil-punteġġ ta’ 4-1, fejn għalihom irnexxielhom isibu x-xibka Peter Borg minn man-up wara li tkeċċa Matthew Mifsud, Ben Plumpton, iż-żagħżugħ Mattias Ortoleva, minn sitwazzjoni ta’ raġel, iktar wara li tkeċċa Liam Galea u ż-żagħżugħ l-ieħor Russell Caruana wkoll minn man- up wara li din id-darba tkeċċa Jamie Gambin.

Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni bħall-ewwel waħda ntemmet fi draw, iżda din id-darba ta’ 2-2, bil-goals għall-Ġiljaniżi jaslu minn Nikolai Zammit u Ben Plumpton. Dan filwaqt li Dino Zammit minn man-up wara li tkeċċa Russell Caruana u Benji Cachia sabu x-xibka għal Sliema.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg (1), 3-Andreas Galea, 4-Nico Schiavone, 5-Russell Caruana (1), 6-Matthew Zammit, 7-Ben Plumpton (2), 8-Daniel Tully, 9-Jake Bonavia, 10-Nikolai Zammit (3), 11-Darren Zammit, 12-Nicholas Bugelli, 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva (1), 15-Nathan Bonavia Coach: Zeljko Kovacic

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Matthew Mifsud, 3-Liam Galea (2), 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia (1), 7-Jayden Cutajar, 8-Kieyan Borg, 9-John Brownrigg, 10-Jamie Gambin (1), 11-Zach Mizzi, 12-Dino Zammit (2), 13-André Theuma Coach: Beto Fernandez

Referees: Alessio Nicholai, Alex DeRaffaele

Sport