Wayne Rooney huwa fost il-favoriti biex jieħu t-tmexxija permanenti tat-team ta’ Everton wara li Rafael Benitez tkeċċa nhar il-Ħadd.
L-ex player ta’ 36 sena għamel isem f’Goodison Park bħala żagħżugħ qabel ma ngħaqad ma’ Manchester United.
Bħalissa huwa qed imexxi lil Derby County li jinsabu fit-tieni post mill-aħħar taċ-Championship. Fl-istaġun li għadda huwa kien strumentali meta bħala player-coach għen lill-istess Derby jevitaw ir-relegazzjoni.
Iżda f’Settembru li għadda, ir-Rams daħlu fl-amministrazzjoni, bis-sid Mel Morris jiskuża ruħu mal-partitarji.
B’Derby s’issa mingħajr xerrej għall-klabb b’dejn ta’ madwar £50 miljun, Rooney xejn ma ġie megħjun biex isaħħaħ l-iskwadra.
Bl-inkwiet dejjem fejn saħansitra l-players u l-istaff ma jitħallsux, Rooney ma riedx jabbanduna l-”vapur”.
Issa hemm it-theddida li Derby jistgħu jitkeċċew mill-kampjonat jekk is-sitwazzjoni ma tissolvix ruħha fi żmien ġimgħatejn.
Il-partitarji ta’ Everton qed jagħmlu pressjoni kbira fuq id-diriġenti tal-club biex fil-jiem li ġejjin jinħatar il-manager il-ġdid.