Friday, April 11, 2025

We Are Back: Valletta FC lura fil-Premier League – fil-Belt mistennija ċelebrazzjonijiet kbar!

Aqra wkoll

Filwaqt li l-biljetti għall-iktar partita mistenni tas-sena qed jinbieghu b’pass rekord, Valletta FC qed ippreparaw għal tmiem memorabbli għal staġun mimli emozzjonijiet. Is-Sibt 12 ta’ April jimmarka l-jum meta Valletta FC se tiġi uffiċjalment rikonoxxuta bħala rebbieħa tal-BOV Challenge League, u b’hekk terġa’ lura b’mod mistħoqq fil-Premier League. #WeAreBack huwa s-slogan li adotta l-Klabb biex juri li Valletta FC reġgħet lura f’postha.

“Kif mistenni, l-emozzjonijiet huma għoljin hekk kif il-Klabb qed jipprepara għal dak li mistenni jkun wieħed mill-aktar jiem memorabbli fl-istorja tiegħu. Nikkonkludu sena mimlija mumenti ta’ ferħ kbir u oħrajn diffiċli, li poġġew lill-klabb u lis-supporters tiegħu għall-prova. Madanakollu, dawn l-isfidi għamluna aktar b’saħħitna, u s-Sibt se nkunu qed nuru kemm dan hu tassew minnu,” qal Claudio Grech, President ta’ Valletta FC.

“Ir-relegazzjoni tal-klabb fi tmiem l-istaġun li għadda fissret li filwaqt li zzomm il-kuntest tal- passat glorjuz taghha, Valletta FC kellha tidħol fi proċess radikali ta’ trasformazzjoni – fuq livell organizzattiv, loġistiku u finanzjarju – deċiżjonijiet li l-amministrazzjoni tal-Klabb ħadet b’serjetà permezz ta’ ħidma intensiva f’kull sezzjoni. Ir-relegazzjoni kienet iebsa, iżda tatna l- opportunità li naħsbu mill-ġdid kif aħna strutturati sabiex illum inkunu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha u b’entużjażmu kbir li nerġgħu nieħdu postna fost l-elite tal-futbol Malti,” żied jgħid.

“Dan kollu ma setax iseħħ mingħajr l-appoġġ inkredibbli tal-partitarji uniċi tal-Belt Valletta. Nafuh bħala fatt li Valletta FC tgawdi l-ikbar appoġġ meta mqabbla ma’ kwalunkwe klabb ieħor f’Malta – fatt li ġie kkonfermat minn riċerka indipendenti li saret aktar kmieni din is-sena, u li kkonfermat li Valletta FC ghandha aktar minn 27,000 partitarju dedikat. Aħna gratissimi lejn is-supporters tagħna li baqgħu magħna f’kull mument, tajjeb jew ħażin – dedikazzjoni li aħna kburin li nirreċiprokawha s-Sibt b’dan it-tragward importanti,” temm jgħid Claudio Grech.

Il-programm għall-partitarji ta’ Valletta FC madwar Malta u Għawdex hu mimli, b’attivitajiet għall-familja qabel il-partita li jibdew fl-Istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali fis-14:30. Il-partita bejn Valletta FC u Marsa FC mistennija tibda fit-15:30, u wara Valletta FC se tingħata t-Tazza tal- BOV Challenge League fost ic-celebrazzjonijiet ta’ dawk preżenti.

Iċ-ċelebrazzjonijiet se jkomplu fi Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta mis-19:00 ‘l quddiem, b’festa li l-partitarji tal-Belt biss jafu jagħmlu. Ic-celebrazzjonijiet mistennija jigbdu folol kbar hekk kif din mistennija tkun serata memorabbli fil-Kapitali.

Għal aktar informazzjoni, u biex tibqa’ aġġornat bl-aħħar żviluppi fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta FC, segwi: https://www.facebook.com/vallettafclub u vallettafc.net.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport