Saturday, December 14, 2024

“Weġġajtuna” … “Offrejtlu parti mill-qligħ għall-Parroċċa”

Tinħoloq kontroversja dwar il-kollezzjoni ta’ ġojjelli “Għażżiela”

Aqra wkoll

Ftit tal-jiem wara li Daniel Formosa ħareġ il-kollezzjoni l-ġdida tiegħu “Għażżiela”, mill-ewwel inħolqot kontroversja, l-aktar fil-komunità taż-Żebbuġ, Għawdex.

“Weġġajtu lili u lill-komunità kollha taż-Żebbuġ … dak li hu tagħna se niddefenduh sal-aħħar”. Hekk stqarr l-Arċipriet taż-Żebbuġ, Għawdex, Dun John Sultana f’kummenti li ta lil Talk.mt dwar il-ġojjellerija li ġiet imnedija bl-isem “Għażżiela”.

L-Arċipriet Dun John Sultana qal li: “Il-mod li bih ġiet esposta ‘l-Għażżiela’ b’mod profan, xejn xieraq u dinjituż, bi skop purament kummerċjali fil-filmat weġġa’ u qed iweġġa’ s-sentimenti tiegħi u tal-poplu taż-Żebbuġ li għandna tant għal qalbna l-Għażżiela”.

L-Arċipriet qal ma’ dan is-sit li dwar din il-kwistjoni l-parroċċa kollha tinsab warajha u “Se nkunu qegħdin nieħdu l-azzjonijiet li hemm bżonn”.

Min-naħa tiegħu, Daniel Formosa f’kummenti mal-istess sit kien skjett ħafna fejn sostna li l-Arċipriet kien jaf minn 15-il ġurnata qabel li kienet ħierġa din il-kollezzjoni.

“Tant kemm jien ma kelli l-ebda intenzjoni li nweġġa’ lil ħadd li offrejt parti mid-dħul ta’ din il-kollezzjoni lill-komunità taż-Żebbuġ biex jużawhom kif iridu,” sostna l-artist ma’ Talk.mt.

Hu qal li aktar minn 40 sena ilu diġà kien hemm ġojjelli bħal dawk li qed jagħmel hu. “L-iskop tiegħi kien li xi ħaġa tradizzjonali ma tintilifx u tibqa’ ħajja.”

Jidher li l-poplu taż-Żebbuġ l-aktar li ħassu offiż minħabba l-mod kif ġiet ippreżentata din il-kollezzjoni. Fil-fatt, fil-filmat tidher tfajla liebsa l-pendent tal-Għażżiela u jidher li kien hawn li ż-Żebbuġin ħassewhom offiżi.

Għal dan Formosa sostna li t-tfajla liebsa b’mod diċenti u li fl-opinjoni tiegħu bl-ebda mod ma waqqgħu l-Għażżiela għaż-żufjett. Min-naħa tiegħu huwa fakkar: “Mhux kulħadd kien qal kif meta Dun John Sultana sar Arċipriet inġibed lejn il-Parroċċa permezz ta’ Porsche? Dakinhar mhux ukoll kienet inħolqot kontroversja?”

Formosa qal li hu offra li jiltaqa’ mal-Arċipriet biex tinstab soluzzjoni dwar din il-kwistjoni, iżda s’issa jidher li l-istess Arċipriet ma jridx jiltaqa’.

Intant, George Joseph Cefai, wieħed mill-parruċċani taż-Żebbuġ Għawdex kiteb fuq il-midja soċjali li “Ma nafx għaliex, imma minn dawn il-kummenti donnu kulħadd f’daqqa waħda jixtieq li din l-‘GĦAŻŻIELA’ hija tiegħu.

“Dik hija proprjetà esklussiva tal-Parroċċa tagħna, il-Parroċċa taż-Żebbuġ Għawdex. Mhux qed noħlom, imma dan id-dritt ingħata mill-mibki maħbub l-ewwel Kappillan taż-Żebbuġ, Dun Franġisk Vella. It-testment tiegħu li kien għamel 286 sena ilu, fl-1737, jitkellem ċar dwar din l-esklussività. Huwa tajjeb li dan il-wirt li ħadu ħsiebu b’tant għożża missirijietna mal-medda taż-żmien, jiġi promoss, imma dan ma jagħti l-ebda dritt biex l-Għażżiela tibdel is-sid oriġinali tagħha”.

“Huwa minnu wkoll li jekk nisiltu n-’Nome di Maria’ barra mill-kuntest tal-Għażżiela, din issir propjetà ta’ kulħadd, imma dan mhux il-każ…” temm jgħid Cefai.

Ekonomija

Sport