Sunday, December 15, 2024

“Weqgħetilne l-kuppla ta’ San Pawl!”  (2)- -Il-lejl tad-29 ta’ Novembru 1924 u dak li seħħ wara

- Jikteb Joseph G Scerri

Aqra wkoll

Fil-għodu kmieni tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, is-Sagrament ġie meħud mid-dar tal-kapillan għall-kappella ta’ San Katald fejn mad-daqq tal-Pater Noster tal-qanpiena ċkejna ta’ din il-kappella , in-nies inġabret fiha u fil-wesgħa ta’ quddiema biex tisma minn fomm il-kapillan dak kollu li kien ġara dak il-lejl. Dun Nerik qaddes il-quddiesa tal-ewwel, tal-4am, u wara il-qari tal-vanġelu dar lejn in-nies u kien ser jibda jirrakonta dak li kienu għadda minn fuqu u minn fuq sħabu iżda il-miġemgħa infexxet “f’bikja waħda li kienet turi in-niket bla tarf li fihom kien jinsab kullhadd”. Hu għamel mill-aħjar biex jgħid kliem ta’ sabar u kuraġġ iżda jidher li anke’ hu stess kien kommoss. Fid-diskors tiegħu radd ħajr lil Alla li, għat-talb ta’ Marija, li dak inhar kellha tibda in-novena tal-festa tal-Kunċizzjoni, u tal-Appostlu Missierna San Pawl, ħeles lill-parroċċa minn traġedja ferm u ferm akbar meta kieku dak li seħħ ġara waqt il-quddiesa tal-ewwel, imsejjħa tal-Aurora. Kieku kienu jmutu mirdumin bosta nies fosthom l-istess kapillan li kien ikun qed iqaddes dik il-quddiesa. Dun Nerik temm id-diskors tiegħu bil-kliem “Alla ħabbna! San Pawl ħelisna!” u kompla ħeġġeġ bi kliem ta’ kuraġġ il-poplu quddiemu sabiex fi żmien qasir tissewwa il-ħsara u terġa tibda tintuża mill-ġdid il-knisja parrokkjali.

Kienu ħafna dawk in-nies preżenti hemm quddiem il-knisja ta’ San Katald li għal dan il-kliem tqanqlu, u dlonk offrew flus u wegħdu ħidmiethom bla ħlas lill-kappillan. Minn hawn Dun Nerik u xi nies xtaqu li issa li beda jbexbex jittantaw jerġgħu jidħlu fil-knisja biex ikunu jistgħu jaraw il-ħsara sew, iżda il-mogħdijiet minn fejn setgħu jidħlu kienu kollha imġarfa. Telgħu it-taraġ tal-kampnar għal fuq il-bejt tal-knisja u hemm setgħu jaraw is-soqfa tal-koppla, tal-kapellun ta’ San Anton, ta’ San Stiefnu, tal-kor u tas-sagristija iż-żgħira kollha mġarrfa b’xorok imdendel u taħthom borġ ġebel, tavluni, ħbula u travi. Il-ħsara kienet kbira. Ix-xewqa tal-kapillan iżda kienet li jaraw eżatt il-ħsara minn ġewwa. Wara ftit ħsieb ġiehom f’rashom li jgħaddu mill-Grotta ta’ San Pawl u jitilgħu mit-taraġ, li sa dak iż-żmien kien għadu miftuħ, taħt fejn illum hemm il-bieb li jagħti għall-knisja ta’ San Publiju. Niżlu hemm, iżda x’ħin waslu ftakru li dak il-bieb imżejjen b’ornat sabiħ tal-ħadid kien imsakkar minn naħa tal-knisja ta’ San Pawl. Fil-pront, jirrakonta il-kapillan, tfaċċa żagħżugħ mastrudaxxa li malajr mar ġab l-għodda u wara tlett kwarti jissara qala’ iċ-ċappetti u l-bieb ċeda.

Din hija id-deskrizzjoni li jagħti il-kapillan ta’ dak li raw kif telgħu fil-knisja:

“Dħalna fil-knisja, u ebda konsolazzjoni ma’ kellna, iżda komplew id-dwejjaq u l-għafis tal-qalb li ħassejna u ġarrabna matul il-lejl l-imgħoddi. Daqs nofs pulzier (madwar 1.5ċm)  għabra kienet tgħatti l-art u l-oġġetti l-oħra li baqgħu sħaħ, il-bankijiet min maqluba u min imħarkin minn posthom bit-theżżiża, siġġijiet l’hawn u l’hinn, qoffa kbira bi ftit għodod fin-nofs, il-bankun ta’ fuq il-presbiterju imkisser, il-kanopew ta’ fuq it-tabernaklu imċarrat nofsu l’hinn u nofsu mirdum, gumna (ħabel) nofs fuq l-altar u nofs taħt il-ġebel, travi u fallakki nofshom imħawla u il-bqija fl-ajru qishom siġar bla friegħi u bla weraq mixħuta bla kont, il-gandlieri maqsumin u mtajra wieħed fuq l-altar, ieħor f’nofs il-kor, xemgħa fir-rokna tal-kor tmiss mat-titular, il-wisq imfaħħar kwadru tat-titular mifquh u mċarrat f’bosta bnadi, il-vara tal-Kunċizzjoni imħarka minn postha b’daqqa ta’ travu, u maqluba b’rasha biss poġġuta mal-pilastru; għaġeb kif ma ġġarfitx u tfarket; it-taraġ u l-presbiterju kollu spiċċa għal kollox; l-altar maġġur maqsum mil-mensa u mxellef f’bosta bnadi; it-taraġ u l-bieba tal-pulptu ħadu sehemhom ukoll; l-altar tal-kor u kantuniera mis-sedji lanqas deheru aktar; l-altar ta’ San Anton imkisser għal darba, u fin-nofs ma tarax ħlief taħwida waħda ta’ ġebel, injam, travi, fallakki, ħbula u laqx. Is-sellum forċi quddiem il-lampier tal-ġenb sħieħ u f’postu, lest biex mas-sebh is-servjent jibda minnhu jismiċċja il-ftejjel.” Dettall ieħor li joħroġ minn rakkonti oħra hu il-fatt li l-istatwa tal-Kunċizzjoni li kienet ġiet imqiegħda taħt il-koppla preċiż mal-pilastru maġġur fejn għadha titqiegħed fil-festa  sallum, nstabet mingħajr ħsara ħlief li kienu daħħlulha żewgt skaldi tal-injam fil-mant ta’ quddiem magenb ideja. Dawn kienu tħallew fil-post għal snin twal sakemm meta ġiet indurata mill-ġdid tneħħew.

Din id-deskrizzjoni taqbel ħafna mal-kwantita’ kbira ta’ ritratti li ittieħdu fil-knisja wara l-inċident. Uħud minnhom qed jidhru hawn. Ħafna minnhom ittieħdu mis-sur John Ellis li kien imqabbad mill-Kummissjoni ta’ Inkjesta li ser insemmi aktar il-quddiem. 

Malli sebaħ sewwa il-kapillan bagħat javża lil Monsinjur Isqof Mauro Caruana li wara ftit wasal fuq il-post fejn ra b’għajnejh il-ħsara li kienet seħħet. Hu kellu kliem ta’ faraġ għall-kapillan u għal dawk kollha li inġabru madwaru. Żar ukoll il-post il-Ministru tal-Ġustizzja, il-Prof. Carlo Mallia li sabbar lill-Kappillan u lir-Rabtin u wiegħed għajnuna mill-gvern. 

Aktar tard, fil-5 ta’ Diċembru, Mons Isqof kiteb ittra bit-Taljan lill-kappillan li kienet tgħid hekk:

Għażiż Sur Kappillan,

Jekk għal bxara ta’ bla ħsieb tad-diżgrazzja waħxija li ġiet fuq il-knisja Parrokjali tiegħek fil-lejl tad-29 ta’ Novembru li għadda ħassejna mhux ftit, qalbna ingħafset iżjed meta hemm fejn ġrat id-diżgrazzja stajna naraw il-ħsara kbira tassew li ġieb warajh it-tiġrif tal-koppla u stajna inqisu il-kobor tal-periklu li minnu ħlistuha  tassew b’miraklu int u l-ulied maħbubin tiegħek.

Aħna ma nistgħux inqisu il-ħsara li ġrat ta’ din id-diżgrazzja, imma ġa nafu zgur illi hija kbira ferm; dan żidilna fin-niket li ġarrabna min din id-diżgrazzja illi f’ħin wieħed ħarbtet knisja li għalina għal ħafna u ħafna raġunijiet hija wisq għażiża.

Filwaqt li naqsmu miegħek, dan id-dulur, nitolbuk, għażiż Sur Kapillan, li inti tgħid lill-paruċċani tiegħek, ulied maħbuba tagħna fi Kristu Ġesu’, illi aħna nifhmu u naqsmu magħhom id-dulur, mhux biss, iżda ma għandniex xewqa oħra ħlief li inkunu nistgħu, b’kull mod, infarġġuhom.

U issa, Sur Kappillan, qawwi qalbek! Wara din il-ħsara ta’ bla tarf li waqgħet bla ħsieb ta’ xejn fuq il-Parroċċa tiegħek u fuq id-Djoċesi kollha, jenħtieġ li taħseb għat-tiswija li hemm bżonn u li trid tkun mill-qiegħ. Dina it-tiswija sejra tqum bosta, iżda fejn il-qalb hi kbira, il-but ma jkun qatt żgħir.

Aħna li nafu tajjeb l-insara tar-Rabat u il-ġibda li għandhom lejn il-Knisja parrokjali tagħhom, Aħna li rajniehom jibku fuq il-gzuz tal-ġebel li ftit siegħat qabel kienu il-għaxqa u il-foħrija tagħhom, aħna żgur illi huma jagħmlu minn kollox imqar li jkunu jistgħu jaraw fi ftit żmien imsewwija, imġedda il-knisja fejn huma u uliedhom ġew mgħammda u fejn bis-sliema jinsabu reqdin l-għeżież tagħhom. Aħna żgur illi il-għonja u il-foqra tar-Rabat jgħinu bi flushom u b’xogħolhom għat-tiswija tal-Knisja tagħhom.

Hija xewqa kbira tagħna, imbagħad, illi għal din l-opra qaddisa u ta’ mħabba lejn art twelidna, ma’ l-insara tar-Rabat jingħaqdu wkoll in-nies ta’ Malta kollha, skond il-mezzi li għandhom u skond kemm ittihom qalbhom. Dana kollu titolbu l-imħabba kbira li il Gżira għandha lejn l-Appostlu Missierna San Pawl, illi bit-talb tiegħu ma miet ħadd f’din id-diżgrazzja kbira; dana kollu titolbu wkoll l-imħabba lejn artna għaliex huwa fl-interess ta’ Malta kollha illi monument hekk mogħni b’tifkiriet ta’ Religjon u ta’ artna ma jintilifx.

Bit-tama illi għal din il-fehma l-ulied tagħna kollha jagħtu flushom, imbierku lilek bil-qalb flimkien mal-kleru u n-nies tiegħek filwaqt li bil-qima kollha, ngħoddu ruħna

Tiegħek għażiż bil-bosta

Maħbub Missier f’Ġesu’ Kristu

+ Mauru O.S.B.

Arċisqof Isqof ta’Malta.

Din l-ittra ġiet meqluba mill-kappillan stess mit-Taljan għall-Malti ta’ dak iż-żmien u inqrat minnu stess fil-knisja ta’ San Katald waqt il-quddies ta’ nhar il-Ħadd 7 ta’ Diċembru 1924, (hawn qed tiġi riprodotta bl-ortografija tal-Malti tallum). F’dik il-ġurnata tal-Ħadd ġie mħabbar ukoll ukoll illi il-festa tal-Kunċizzjoni kellha issir bis-Santissimu Sagrament minflok bl-istatwa tagħha u ddur mat-trieqat tal-parroċċa bħala turija ta’ ringrazzjamnet lil Alla. Iżda din il-purċissjoni tħassret minħabba li kienet ġurnata bix-xita. Ġiet trasferita għall-Ħadd ta’ wara, 14 ta’ Diċembru, u wara li għaddiet mit-toroq tal-parroċċa b’ġemgħa kbira ta’ fratelli u ċorma nies warajha intemmet fuq iz-zuntier tal-knisja f’daqxejn ta’ tribuna magħmula mill-armar tal-festa taħt il-monument ta’ San Pawl magħruf bħala taż-Żurżiegħa. Hemm tkanta it-Te Deum u wara tlissnet talba lill San Pawl u ingħatat il-barka Sagramentali fost id-daqq tal-qniepen mill-kampnar tal-parroċċa.

Il-kumitat, bandisti u soċji tas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru bħalma għamlu dejjem ukoll taw is-sehem tagħhom f’mument daqshekk diffiċli għall-parroċċa. Fl-istess żmien li waqgħet il-koppla, s-Soċjetà kienet kisbet permess biex tagħmel lotterija b’risq il-każin u l-Banda.  Fil-minuti tal-każin għas-sena 1924 insibu li is-segretarju nforma lill-kumitat bil-kisba ta’ dan il-permess fis-seduta li saret fid-9 ta’ Diċembru 1924.  Iżda l-kumitat konxju ta’ dak kollu li kien seħħ fil-Parroċċa, ħa din id-deċiżjoni:

“Il Comitato osservando che il momento è molto critico causa della catastrofe della nostra Chiesa Parrocchiale  decise che il guadagno di detta lotteria tutto quanto si regala a beneficcio della nostra Chiesa Parrocchiale.” 

Il-kumitat hekk iddeċieda li, f’mument kritiku bħal dak il-qliegħ min din il-lotterija kellu jmur kollu kemm hu għal ħtiġijiet tal-parroċċa. 

Sadanittant saħansitra qabel ma tħabbret fl-Assemblea Leġislattiva, jumejn wara id-diżgrazzja, it-Tnejn 1 ta’ Diċembru fid-9.15am il-kappillan Bonnici kien diġa mar l-għassa tal-pulizija tar-Rabat, li dak inhar kienet għada f’binja fi triq San Pawl, eżatt quddiem iz-zuntier tal-parroċċa, biex minn hemm jgħaddi messaġġ telefoniku lil Ministru tal-Ġustizzja u jistaqsieh fi x’ħin kellu jistenna li il-Kummisjoni tal-Inkjesta tagħmel l-ewwel żjara tagħha fir-Rabat. Fid-9.18am waslet ir-risposta lura mill-Ministru li kienet tgħid li il-Kabinett tal-Gvern kien għadu ser jiltaqa fl-10am ta’ filgħodu ta’ dak inhar u d-deċiżjoni kienet tingħata lill-kappillan appena tkun deċiża. Sadanittant il-Ministru avża lil kappillan sabiex jara li il-post bl-ebda mod ma’ jigi mittiefes.

Għajnuna mill-Gvern permezz tal-Assemblea Legislattiva

Id-diżgrazzja tal-koppla qajmet kommossjoni mhux biss fir-Rabat imma ma’ Malta kollha. Kif diga għidna din kienet distruzzjoni ta’ binja li bħala ftit kienu jiftakru. Forsi l-eqreb lejha dak iż-żmien kien hemm il- ħruq tat-Teatru Irjal fil-belt Valletta li seħħ fl-1873. L-aħħar distruzzjoni ta’ maqdes kien meta it-terremot tal-1693 qered il-kattidral. Iżda fl-1924 il-poplu ta’ dawn il-gżejjer ġrajja bħal din ma kien ra qatt. Kien xokk għall-pajjiz kollu. 

Jumejn biss wara l-inċident, nhar it-Tnejn 1 ta’ Diċembru, il-laqgħa ta’ l-Assembleja Legislattiva li bdiet fis-2.30am fetaha l-Avukat Giuseppe Degiorgio LLD, deputat tal-Unione Politica Maltese li kien jirrapreżenta is-Seba Distrett Elettorali (dan kien jinkludi ir-Rabat). Huwa qam u talab lill-Ispeaker il-permess sabiex jigu sospizi ir-regolamenti tal-kamra biex jagħmel stqarrija. Dan il-permess ingħata. Degiorgio ġibed l-attenzjoni tal-kamra “alla catastrofe immane che ha colpito il Rabato”, għad-diżgrazzja li kienet seħħet fir-Rabat u ta dettalji ta’ dak li kien ġara. Huwa stqarr li jittama li il-Gvern, f’mument bħal dan, ma kienx se jiċħad għajnuna teknika u finanzjarja lin-nies tar-Rabat. Fid-diskors tiegħu hu semma wkoll il-kampnar tal-knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ fir-Rabat li ukoll kellu xi ħsara dannu tat-terremot tal-1923 u li kien jidher fil-periklu li jaqa’ u li il-patrijiet kellhom diġa l-intenzjoni li jħottuh minħabba f’hekk. Degiorgio semma wkoll it-taħbit li kien għaddej il-ħabrieki kaillan u l-kuraġġ kbir li wera is-Saċerdot Dun Robbie Calleja li salva il-pissidi bis-Sagrament.

Wara Degiorgio tkellem il-Konti Gerald Strickland li kien il-kap tal-Oppożizzjoni. Fost ħafna battibekki dan appoġġja it-talba ta’ Degiorgio li tingħata għajnuna lin-nies tar-Rabat. Il-perit Edwin Vassallo tal-partit Kostituzzjonali, membru ieħor elett mid-distrett tar-Rabat, qabel maż-żewg kelliema ta’ qablu u saħaq li għandha tingħata tali għajnuna. Vassallo irrefera għall-knisja ta’ San Pawl tar-Rabat bħala “one of our historical monuments as it commemorates the visit of St Paul to our islands”. Wara Vassallo tkellem il-Ministru tal-Ġustizzja il-Prof. Carlo Mallia LLD, li iddikjara li il-Gvern ma setax jibqa jħares lejn diżastru bħal dan u qal li għalkemm kullħadd jaf x’ġara kien ser jaqra ir-rapport uffiċjali tal-pulizija miktub mill-Ispettur Axisa fejn dan kien irraporta li kienet waqgħet il-koppla tal-knisja ta’ San Pawl li kienet diġa maħsusa mit-terremot ta’ sena qabel u li din għamlet ħerba mill-knisja għalkemm ma’ kien weġġa ħadd. Hu qal ukoll li il-post issa kien taħt is-sorveljanza tal-pulizija.

Il-Ministru Mallia qara wkoll rapport tas-Supretendent tal-Pulizija għad-Distrett C, A. H Borg Cardona li kien jgħid li il-bejt tal-knisja ċeda minn erba’ postijiet differenti u sfronda il-paviment tal-knisja wkoll. Kien stmat li l-ispejjez jitilgħu għal madwar £8,000. Il-Ministru qal li hu kien żar il-post u ta deskrizzjoni tal-ħerba li ra b’għajnejh. Fil-fatt hu stqarr li kien jaħseb li l-ispiża ser tkun għola u mhux inqas minn £10,000. Mallia informa il-kamra ukoll li kien ta ordni biex il-pulizija ma jħallux nies jidhlu fil-knisja minħabba il-periklu ta’ ġebel imdendel u kien ħatar ukoll Kummissjoni ta’ Inkjesta sabiex tistabilixxi x’kien wassal għad-diżgrazzja. Din il-Kummissjoni kellha tmur ir-Rabat, l-għada it-Tlieta 2 ta’ Dicembru, biex tagħmel spezzjoni fuq il-post u tagħmel valutazzjoni tal-periklu minħabba li kienet l-intenzjoni tal-Kapillan Bonnici li jibda juża’ il-kursija għall-funzjonijiet tal-knisja.

Dwar l-għajnuna finanzjarja il-Ministru Mallia informa lill-Kamra li dakinhar filgħodu stess, il-gvern immexxi mill-Prim Ministru Dr Ugo Mifsud LLD kien diġa iddeċieda li għandha tingħata somma lill-poplu tar-Rabat b’risq it-tiswija tal-koppla u l-knisja, liema somma kellha għada trid tigi determinata. Dwar il-kwestjoni tal-kampnar tal-knisja ta’ Ġiezu hu stqarr li ma kienx għadu jaf dwar il-ħsara li dan kellu u għalhekk ħass li ma setax jitkellem fuqu fil-mument. Fid-diskors tiegħu il-ministru semma wkoll li kien iltaqa’ ma Dun Robbie Calleja. Hu jsejjaħlu “valoroso e coraggioso”, qalbieni u kuraġġuż. Hu kompla li ma setax ma jsemmix dan l-att erojku straordinarju. Għal dan il-kliem kien hemm mument ta’ sinjali ta’ approvazzjoni mill-Kamra. Id-deputat Antonio Dalli ftit wara qam u tkellem favur li jiġi rikonoxxut dak li kien għamel Dun Robbie u ippropona li għandu jiġi rikonoxxut b’xi “onorificenza al valore civile”.

Fis-seduta tal-Assemblea ta’ tlett ijiem wara, il-Prim Ministru Mifsud qara riżoluzzjoni li kienet titlob li il-gvern jigi awtorizzat jagħti is-somma ta’ £1,000  lill-paroċċa tar-Rabat biex hekk jassistieha fit-tiswija meħtieġa. Hu qal li dan l-ammont kellu jkun wieħed proviżorju li seta’ jiżdied meta jigi stabilit l-ammont eżatt ta’ kemm ser tiġi tiswa l-istima kollha tar-restawr. Rigward il-kampnar tal-knisja Ta’ Ġieżu li għalih il-Patrijiet Franġiskani ma kellhomx fondi kien qed jitlob li il-gvern jiġi awtorizzat joħroġ is-somma ta’ £35 sabiex dan jinħatt u jitneħħa il-periklu li jaqa’. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Konti Strickland appoġġa din ir-riżoluzzjoni. Minħabba li ma kienx għad hemm il-messaġġ meħtieġ tal-Gvernatur Ingliż li jirrikmanda in-nefqa lill-kamra, id-diskussjoni fuq din ir-riżoluzzjoni ġiet sospiza sakemm jasal il messaġġ tal-Gvernatur. Fil-fatt il-messaġġ tal-gvernatur Sir Walter Congreve datat 9 ta’ Diċembru ġie moqri minn Dr Ugo Mifsud fis-seduta li inżammet fl-istess ġurnata u wara diskussjoni imqanqla li fiha ħadu sehem Dr Ugo Mifsud stess, il-Konti Strickland u Dr Degiorgio il-mozzjoni għaddiet.

Ikompli 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport