West Bromwich Albion neħħew lill-manager Valerien Ismael wara biss seba’ xhur fit-tmexxija tal-club.
Meta l-Baggies ħatru lill-Franċiż f’Ġunju, huwa kien meqjus bħala l-manager ideali fit-tul, fejn huwa ngħata kuntratt sal-2025.
Madankollu, minkejja li jinsabu fil-ħames pożizzjoni fil-klassifika taċ-Championship, il-prestazzjonijiet kienu ferm taħt l-aspettattivi, speċjalment waea t-telfa ta’ 2-0 ta’ nhar is-Sibt li għadda kontra Millwall.
Erbat ijiem wara t-telfa f’The Den, West Brom ikkonfermaw li temmew l-esperjenza ta’ Ismael f’The Hawthorns.
Stqarrija tal-klabb qalet li: “West Bromwich Albion Football Club jista’ jikkonferma li Valerien Ismael illum ħalla l-pożizzjoni tiegħu bħala manager.”
“L-assistant manager Adam Murray telaq ukoll minn The Hawthorns.”
“Il-club jixtieq jesprimi r-ringrazzjament tiegħu lil Valerien u Adam għall-isforzi tagħhom u jawguralhom għall-futur. Il-proċess ta’ akkwist ta’ manager ġdid issa jinsab għaddej u se jkun qed jitħabbar fiż-żmien li ġej.”
Ismael se jkun qed iħalli lil West Brom wara li rreġistra 12-il rebħa u 10 telfiet mill-31 partita tiegħu fil-kompetizzjonijiet kollha.