Friday, November 15, 2024

West Ham, Fiorentina u Jose Mourinho dixxiplinati mill-UEFA

Aqra wkoll

Fiorentina u West Ham it-tnejn ġew kastigati mill-UEFA wara li nqala’ l-inkwiet bejn il-partitarji qabel u waqt il-logħba bejn iż-żewġ timijiet fil-finali tal-Europa Conference League tas-7 ta’ Ġunju.

Ġlied bejn gruppi ta’ partitarji ġie rappurtati fi Praga waqt il-preparazzjoni għall-finali fil-Fortuna Arena, li rriżultaw fi tlieta feruti u 16 arrestati.

Matul l-ewwel taqsima tal-logħba, il-captain ta’ Fiorentina, Cristiano Biraghi, intlaqat minn oġġetti mitfugħa fil-ground mill- partitarji ta’ West Ham, li ħallewh b’rasu miftuħa u ġie mġiegħel jilgħab il- kumplament tal-partita b’fax­xa protettiva.

Għal involviment fl-irvellijiet qabel ma bdiet il-logħba, Fiorentina rċevew sospensjoni ta’ partita għal partitarji barra minn darhom u multa ta’ €30,000.

L-akbar piena ngħatat lil West Ham, li ngħataw sospensjoni ta’ żewġ logħbiet għall-partitarji kollha, li t-tieni waħda hija sospiża għal perjodu ta’ sentejn, kif ukoll multa ta’ €58,000.

Sadanittant, il-UEFA mmultat lil Roma u tat lil José Mourinho sospensjoni ta’ erba’ logħbiet wara l-imġieba tagħhom fil-lejl tat-telfa tal-finali tal-Europa League kontra Sevilla.

Il-Giallorossi marru fil- vantaġġ fil-finali Ewropea, iżda auto-goal ta’ Gianluca Mancini kiseb id-draw lill-Ispanjoli bil-konsegwenza li kellhom jingħataw il-penalties wara r-riżultat baqa’  fi draw anke wara l-ħin barrani. 

Eventwalment Sevilla reb­ħu bl-iskor ta’ 4-1 fl-għoti tal-penalties, u ħallew lil Roma frustrati wara l-penalty rebbieħ.

Mourinho ma ħax it-telfa tajjeb u ġie ffilmjat jinsulenta lir-referee Anthony Taylor f’parkeġġ wara l-partita. L-Ingliż imbagħad ġie suġġett għal abbuż minn partitarji ta’ Roma li kienu qed jivvjaġġaw lejn l-ajruport waqt ir-ritorn tiegħu d-dar.

Il-UEFA ħabbret li Mourinho ġie sospiż erba’ logħbiet fil-kompetizzjonijiet tal-clubs tal-UEFA għall-insulti tiegħu lejn Taylor. Roma kisbu kwalifikazzjoni fl-Europa League għall-istaġun li ġej, u għalhekk se jitlef l-ewwel erba’ logħbiet tal-fażi tal-gruppi.

Il-Giallorossi ġew immultati €50,000 u pprojbiti milli jbiegħu l-biljetti għal partita barra minn darhom minħabba l-preżenza ta’ logħob tan-nar fl-istands, tfiegħ ta’ oġġetti, ħsara kri­minali u tfixkil ġenerali tal- folla. Huma ġew immultati wkoll €5,000 għall-aġir tat-team.

Ekonomija

Sport